Mat-tħabbira tal-mewt tar-Reġina Eliżabetta II, mal-ewwel skattaw pjanijiet biex jagħmlu tajjeb għal avvenimenti li mistennija jsiru madwar il-pajjiż fil-jiem li ġejjin.
Filwaqt li ħafna mid-dettalji għadhom mhux konfermati, protokols stabbiliti jiddeterminaw kważi b’ċertezza dak li se jkun qed isir fis-sigħat u anke l-jiem li ġejjin.
Fi ftit sigħat oħra, ir-Re Karlu III ser jagħmel l-ewwel indirizz tiegħu bħala Re. Dan ġie kkonfermat mill-kelliem tar-Re madankollu għad ma hemmx ħin konfermat.
Mat-tokki ta’ nofsinhar il-qniepen f’Westminster Abbey, Il-Katidral ta’ San Pawl u fil-Kastell Windsor, ser isellmu l-memorja tar-Reġina Eliżabetta II.
Ser jiġu sparati wkoll 96 tir bil-kanuni f’Hyde Park fost oħrajn fis-siegħa ta’ wara nofsinhar, ħin Renju Unit.
Intant is-Sibt, ir-Re Karlu III mistenni jiġi proklamat Re. Teknikament huwa diġà sar Re mal-mument li r-Reġina ħadet l-aħħar nifs ta’ ħajjitha. Iċ-ċerimonja se tkun qed issir fil-palazz ta’ St James f’Londra quddiem dak magħruf bħala l-Accession Council. Hemmhekk titħabbar b’mod uffiċjali l-mewt tar-Reġina Eliżabetta II u l-proklama tradizzjonali tinqara.
Wara r-Re Karlu III jattendi għal laqgħa oħra fejn hemm jagħmel l-ewwel dikjarazzjoni u jieħu ġurament sabiex jippriserva c-Church of Scotland. Mal-mument li tindaqq il-fanfarra u r-Re Karlu III jiġi formalment dikjarat bħala r-Re l-ġdid, jiġu sparati tiri f’partijiet differenti tal-belt u l-bnadar jitneħħew minn meżż’ asta għal 24 siegħa.
Tul dan il-ħin il-ġisem tar-Reġina Eliżabetta II se jitpoġġa fil-Katidral St. Giles f’Edinburgh sakemm jitħejjew il-preparamenti għall-funeral tagħha li mistenni jsir fi żmien 10 ijiem. Wara t-tebut tagħha jittieħed Londra fejn hemm mijiet ta’ eluf ta’ persuni ser jitħallew iżuru t-tebut għal erbat ijiem sħaħ f’Westminster Hall.