Tal-Knisja, tal-privat jew tal-Gvern? Mistoqsija diffiċli għall-ġenituri Maltin meta jiġu biex jagħżlu l-ewwel skola għal uliedhom. Deċiżjoni li kellhom jagħmlu ukoll il-ġenituri rjali għal binhom, iżda bid-differenza li għal dawn il-miżata ma kinitx se tkun daqshekk problema biex tiġi mħallsa.
Id-Duka u d-Dukessa ta’ Cambridge se jkunu qed jibgħatu lil Prinċep George fi skola privata f’Londra minn Settembru ta’ din is-sena. Il-ġenituri għazlu l-iskola Thomas’s Battersea li tinsab ftit ‘il bogħod mir-residenza tal-familja, il-Palazz Kensington. Għalhekk, studenti li se jkunu fil-klassi mal-prinċep ċkejken se jkunu jistgħu jgħidu li fil-klassi tagħhom għandhom magħhom prinċep.
Id-Duka u d-Dukessa stqarru li jinsabu kuntenti li sabu skola għat-tifel tagħhom, li se jagħlaq erba’ snin f’Lulju. Il-Kap tal-iskola, Ben Thomas, stqarr li huwa onorat li se jkollu l-prinċep bħala student f’din l-iskola. Għal kull terminu, l-ġenituri rjali se jkunu qed iħallsu £6,000.
Il-prinċep William u d-dukessa Catherine qalu li jinsabu kunfidenti li George, it-tifel tagħhom se jkun kuntent u se jkollu bidu tajjeb għall-edukazzjoni tiegħu.