Il-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ iddedika seduta Parlamentari biex jiddiskuti x-xenarju ġdid wara r-riżultat tar-referendum li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropa. Wara stqarrija li għamel dwar l-aħħar laqgħat fi Brussell, wieġeb għadd ta’ mistoqsijiet.
Tkellem fost oħrajn dwar x’se jiġri mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, issa li l-poplu Ingliż għażel li joħroġ mill-Unjoni. Qal li jemmen li l-Estonja għandha tibda l-Presidenza qabel, u sostna li jkun ta’ piż fuq pajjiżna jekk il-presidenza titwal b’ sena sħiħa. Qal li l-indikazzjonijiet huma li l-Estonia se taċċetta li testendi l-presidenza, iżda jekk ma jintlaħaqx qbil, Malta lesta tikkonsidra kompromess, bħal li tieħu f’idejha l-presidenza għal tliet xhur oħra.
Il-Prim Ministru qal li r-Renju Unit ma jistax jibqa’ jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu – li għadu ma jafx x’arranġament irid mal-Unjoni Ewropea. Spjega li saret diskussjoni dwar kif l-Unjoni Ewropea ssir unjoni għan-nies, u huwa żgur li l-Ewropa ma tistax tibqa’ elitista.
Dr Muscat qal li jemmen li l-azzjoni li ttieħdet fil-bidu minn Brussel dwar ir-Renju Unit setgħet kienet aħjar u fil-fatt, ftit jiem wara, din l-attitudni bdiet tinibdel. Fuq il-moviment ħieles tal-persuni, il-Prim Ministru saħaq li m’hemmx lok għal manuvri.