Illum pajjiżna qed jiċċelebra 50 sena mill-kisba importanti tar-Repubblika u b’dan il-jum se jitfakkar b’bosta avvenimenti.
Għall-ħabta tad-disgħa ta’ dalgħodu, se ssir quddies pontifikali ta’ ringrazzjament fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Imbagħad fil-ħdax neqsin kwart ta’ filgħodu se ssir il-parata ċerimonjali mill-Forzi Armati ta’ Malta, fi Pjazza San Ġorġ. Preżenti se jkun hemm il-President Myriam Spiteri Debono u l-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma’ mistednin distinti oħra.
F’nofsinhar se ssir iċ-ċerimonja tal-investitura u l-għoti tal-midalji fis-Sala tal-Gran Kunsill, fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Hawnhekk il-President Spiteri Debono mistennija tagħmel l-ewwel diskors tagħha bħala President f’Jum ir-Repubblika.
Dawn l-avvenimenti fl-okkażjoni tal-50 sena mill-kisba tar-Repubblika se jixxandru b’mod dirett fuq l-istazzjon ONE.
Imbagħad, filgħaxija fi Pjazza San Ġorġ se jittella’ l-ispettaklu bl-isem ta’ ‘L-Istorja, Aħna’. Bil-faċċata tal-Palazz se sservi bħala tila moderna li se tgħin biex tiġi rrakkontata l-istorja ta’ pajjiżna. Dan l-ispettaklu se jixxandar ukoll b’mod dirett fuq l-istazzjon ONE.