X’jieklu l-Maltin fl-ikla tas-sena l-ġdida?
Bosta familji jkunu qed jaħsbu fuq ir-riċetti li se jsajru, però oħrajn jippreferu joħorġu u jieklu ikla tajba f’xi ristorant jew f’lukanda. Imbagħad xi ħaġa tajba tal-ħelu ma tonqosx.
Fil-fatt fl-aħħar jum tas-sena, ONE News żar lukanda ewlenija fil-belt kapitali, fejn stajna nosservaw mill-qrib it-tħejjijiet għall-ikla tal-lejlet u nhar l-ewwel tas-sena, speċifikamnt fil-kċina tal-ħelu.
Byron Saliba, dulċier li ilu snin jaħdem fil-kċina spjega kif il-preparamenti għal dawn il-ġranet jibdew minn ferm qabel, permezz ta’ tim li joħroġ bl-ideat.
“Prattikament aħna bħala biċċiet tal-ħelu noħorġu, ikollna kważi mija u erbgħin biċċa ħelu. Imbagħad bħala l-kunċett tal-ħelu kif noħorġuh. Nagħmel affarijiet li huma lokali imma ntihom dak it-twist naqra modern fejn pereżempju jekk inti għandek il-Cassata Siciliana fejn nafuha miksija bil-marzipan inżommuha l-istess tradizzjoni imma imbagħad ikollna s-sufflee malti li nippreżentawh f’bowl taċ-ċeramika u ntuh dekorazzjoni finali totalment differenti.”
Dulċier Byron Saliba
Saliba kompla jgħidilna kif f’dawn iż-żminijiet il-ħajja ta’ chef issir aktar diffiċli, il-ħaddiema kollha ibakkru għax-xogħol kmieni f’ġirja kontra l-ħin u katina waħda, b’ħafna sagrifiċċji u dedikazzjoni kbira.
“Ix-xogħol ta’ chef f’dawn iż-żminijiet tant kemm huwa importanti u huwa sagrifiċċju kbir, huwa passjoni. Jekk ma jkollokx il-passjoni mhux ħa tagħmilha. L-ewwel ħaġa, ħa jkollok nuqqas kbir minn mal-familja tiegħek fejn inti awtomatikament trid tqum kmieni, tiġi hawnhekk tiddekora biex inti tagħmel l-affarijiet tiegħek biex inti tkun tista’ tippreżentahom għas-serata finali ta’ meta jkollok in-nies hawnhekk jieklu ġor-restoranti tiegħek.”
Dulċier Byron Saliba
Sadanittant, sentiment ta’ pożittività wasal ukoll mid-Direttur Maniġerjali tal-lukanda Norbert Grixti, fejn aċċena li s-sena 2024 kienet waħda ta’ suċċess għal dan is-settur f’pajjiżna bil-lukanda mimlija turisti, Maltin u Għawdxin is-sena kollha.
“Kien tajjeb ħafna ħafna, kellna sena tajba ħafna. Issa bħalissa nkunu busy ovvjament fl-aħħar tas-sena b’ħafna attività imbagħad l-iktar fir-ristoranti. Is-suċċess huwa dovut għall-preparazzjoni tajba ħafna. Jiġifieri importanti li jkollok nies tajbin, nies tal-affari tagħhom, nies li kapaċi jmexxu. Għax il-qofol mhux x’tagħmel dakinhar u dak il-ħin, il-qofol huwa xi tkun għamilt qabel.”
Direttur Manirġerjali, Norbert Grixti