Tul dawn l-erba’ snin, Gvern Laburista wettaq ħafna għall-ġid tal-anzjani Maltin u Għawdxin. Hekk kif illum kienu preżentati l-proposti tal-Partit Laburista għall-erba’ snin li ġejjin jekk ikun fil-Gvern, ingħatat ħarsa lejn li sar s’issa.
Fost l-iktar punti sinnifikanti huwa li qed tkun implimentata l-istrateġija dwar l-anzjanità attiva. Punt ieħor li għamel differenza kien il-ftuh ta’ ċentri ġodda għall-anzjani f’Santa Luċija, Raħal Ġdid, is-Swieqi, u dalwaq se jiftaħ ieħor fil-Birgu. Dan minbarra li nfetaħ ċentru tal-Università tat-terza età fil-Kottonera u fil-Mosta.
Kien implimentat il-proġett Carer at Home fejn il-familja tagħżel carer kwalifikata u l-Gvern iħallas sa massimu ta’ €5,200 fis-sena.
Saret ir-riforma fil-Home Help, u sar investiment fil-Meals on Wheels. Ġie irriformat u mkabbar is-servizz fil-komunità, ċioe CommCare.
Isaħħu u żdiedu s-sodod ta’ respite u se jibda proġett ġdid ta’ respite at home. Infetħu aktar night shelters għall-anzjani li jiddejqu jorqu waħedhom bil-lejl.
Illum f’Malta hawn l-inqas lista ta’ stennija għal servizzi residenzjali.
Qed isir investiment ta’ milijuni f’xiri ta’ sodod ġodda u qed jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-għoti tas-servizz mingħand il-privat. Twettaq programm ta’ xogħolijiet fid-djar tal-anzjani tal-Gvern, fl-Imtarfa, l-Mosta, iż-Żejtun, Bormla l-Imsida u Floriana. Dan minbarra li qed isir xogħol ukoll fuq estenzjonijiet tad-djar, fothom l-Imtarfa u l-Imsida.
Saret trasformazzjoni fil-Faċilità ta’ Kura fit-Tul f’San Vinċenz u qed tinbidel f’ċentru komrensiv għal anzjani ta’ dipendenza għolja. Tlesta programm vast ta’ xogħol infrastrutturali f’diversi swali, bl-ikbar proġett ikun il-kumpless Rużar Briffa. Bdew kliniċi u laboratorju għall-kura dentali u żdiedu l-kliniċi għall-podjhatrija, oftamoloġija, pain-relief clinic, vascular surgery clinic, speech pathology, kif ukoll apparat mediku.
Qed tkun implimentata Strateġija Nazzjonali dwar id-dimensja fuq medda ta’ disa’ snin, u beda proġett pilota fir-raħal ta’ San Lawrenz, biex ikollna l-ewwel raħal dementia friendly bħala mudell nazzjonali.
Għaddiet liġi apposta kontra kull forma ta’ abbuż fuq l-anzjani, inkluż dak tal-abbandun mill-qraba tagħhom, u għall-ewwel darba, inħoloq il-Kummissarju għall-Anzjani.
Infetħa l-ewwel night shelter f’Għawdex, ċioe Dar Padova, u ntlaħaq ftehim fuq żewġ night shelters oħra fl-Għarb u x-Xagħra. Għall-ewwel darba qed ikun offrut respite f’dar privata f’Għawdex. Għall-ewwel darba f’Għawdex, inxtraw is-sodod mingħand il-privat għall-servizzi residenzjali għall-anzjani.
Infetħu ċentri tal-Anzjanità Attiva fix-Xewkija u r-Rabat, u issa dalwaqt fis-Sannat u ż-Żebbuġ u twaqqfet Kummissjni għall-Anzjanità Attiva f’Għawdex.
Dan apparti ż-żieda fil-pensjonijiet, u bonus lil dawk il-persuni li laħqu l-età tal-irtirar imma ma ħallsux biżżejjed bolol.