Dalgħodu nagħtu ħarsa lejn dak li qed jirrapportaw mezzi tax-xandir internazzjonali.
Reuters tirraporta li l-eżekuttiv tal-UE għada mistenni jipproponi li t-Torok jibdew jidħlu fit-28 pajjiż membru mingħajr viża. In-negozjaturi Torok heddew li jissospendu l-ftehim milħuq f’Marzu dwar il-migrazzjoni jekk l-unjoni ma tagħmilhix aktar aktar faċli għaċ-ċittadini Torok biex jivvjaġġaw. Xi stati ewropej mhux jaqblu li jilliberalizzaw il-ħtieġa tal-viża għal 79 miljun Tork.
Daily NK tal-Korea t’Isfel tikkwota kelliem tad-Dipartiment tal-Unifikazzjoni jgħid li hemm sigurtà stretta fil-belt kapitali tal-Korea ta’ Fuq, Pyongyang, bi tħejjija għall-kungress tal-partit tal-ħaddiema mmexxi minn Kim Jong-un. Fost il-miżuri hemm li ċ-ċittadini ma jistgħux joħorġu jew jidħlu fil-belt u li ma jistgħux isiru żwiġijiet u funerali. Il-kungress, huwa l-ewwel wieħed f’36 sena.
Skont Bild am Sonntag, l-awtoritajiet Ġermaniżi qed jinvestigaw allegazzjonijiet li xi ħadd ipprova jevvelena inġinier ta’ 50 sena li qed jaħdem fl-ajruport il-ġdid ta’ Berlin wara li dan kixef li waħda mid-ditti tal-kostruzzjoni kienet qed ixxaħħam biex tieħu l-kuntratti. Jingħad li dan il-whistleblower ilu marid ix-xhur wara li fl-2015, xi ħadd allegatament ħallatlu sustanza mal-kafè.
L-awtoritajiet Sirjani estendew il-waqfien tal-ġlied madwar Damasku u qagħdiet oħra okkupati mill-oppożizzjoni bi 48 siegħa. Sergei Kuralenko, il-kap taċ-ċentru tal-kordinazzjoni Russu fis-Sirja qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet Tass li dan sar bi ftehim bejn iż-żewġ naħat. Madankollu, il-belt ta’ Aleppo ġiet eskluża u kompla l-ġlied bejn il-qagħdiet tal-gvern u l-gruppi ribelli. Fl-aħħar ġimgħa, 250 persuna mietu fil-ġlied f’Aleppo.
In-New York Times tirraporta li Kubani-Amerikani bkew bil-ferħ hekk kif nizlu minn fuq l-ewwel vapur tal-passiġġieri li żar Havana f’50 sena biex missew art il-ġenituri tagħhom. Folla fuq il-moll xejret bnadar Kubani u Amerikani hekk kif niżlu uħud mis-700 passiġġier abbord. Il-vapur telaq minn Miami.
The Scotsman tirraporta li fi tliet snin, arkeoloġisti sabu għexieren ta’ vapuri mgħarrqa mal-kosta tal-punent tal-Iskozja. F’aktar minn 100 sit ta’ importanza arkeoloġika sabu vapuri tal-injam u tal-metall, flying boats tat-tieni gwerra dinjija, ajruplani żgħar, kanuni, balal tal-ħadid u ankri antiki.