Fl-aħħar jiem il-Ministru Carmelo Abela iltaqa’ mal-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku waqt udjenza fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, hekk kif grupp bandisti Maltin daqqew xi innijiet Maltin waqt l-istess attivita’. Iżda f’dawk il-ftit minuti bejniethom x’idduskutew flimkien? Il-Ministru Abela jgħidilna li ippreżenta ritratt tal-istatwa ta’ Santa Katarina. Ftit sekondi ta’ umoriżmu ma naqsux ukoll hekk kif il-Ministru staqsa lil Papa Franġisku jekk dan jistax jibdel il-karlotta. Il-Papa ħares lejn ta’ maġenbu, tbissem u aċċetta.
Lura fuq nota serja, il-Ministru Abela irringrazzja lil Papa Franġisku ta’ dak li qed jgħid fuq l-Afrika li huwa fuq l-istess linja ma dak li ilu jgħid il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Malti fil-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin Ewropew. Dan li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hemm bżonn li jaħdmu ma pajjiżi Afrikani. Il-Papa Franġisku qed jara potenzjal fl-Afrika inkluż bħala Mexxej Spiritwali tal-Kattoliċi madwar id-dinja. Abela sostna li irridu nibqgħu naħdmu mal-Afrika fuq livelli differenti biex l-Afrika tkompli tiżviluppa. “Nafu li hemm potenzjal ta’ żvilupp bħala partners u b’hekk kulħadd joħroġ rebbieħ”- qal Abela.
Ma’ One news il-Ministru Abela tkellem fuq l-importanza li Malta jkollha relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom mal-Vatikan. Huwa semma’ kif il-Vatikan għandu funzjoni reliġjuża u għandu wkoll l-element politiku tiegħu li jkollu relazzjonijiet anke fuq livell politiku ma pajjiżi differenti inkluż ma Malta. Stqarr lir-relazzjoni bejn Malta u l-Istat tal-Vatikan huma eċċellenti u qegħdin ikomplu jissaħħu anke permezz ta’ żjarat differenti fuq livelli differenti. “Importanti li inkomplu niżviluppaw dawn ir-relazzjonijiet li jwasslu mhux biss fuq livell politiku u anke fuq livell ta’ reliġjon imma anke fuq inizzjattivi oħra li nistgħu nieħdu. Qegħdin nagħmlu diversi sforzi lir-riżultati tagħhom dalwaqt jibdew jidhru”, qal Abela.
Hekk kif qed nitkellmu fuq il-Vatikan, fatt interessanti huwa li fil-Mużew tal-Vatikan fil-gallarija tal-mapep hemm ukoll mappa antika li turi lil Malta fiż-żmien l-Assedju l-Kbir. Din ġiet impinġija fl-1579, erbatax il-sena wara l-Assedju minn Matteo Perez D’Aleccio. Waqt li kien qiegħed fuq din l-iżjara l-Ministru Abela flimkien mal-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Istat tal-Belt tal-Vatikan E.T. Frank Zammit ġew murija din il-mappa.
Fl-aħħar u mhux l-inqas, meta mistoqsi x’kienet l-iżjed ħaġa li laqtitu meta ltaqa’ ma Jorge Mario Bergoglio, jew aħjar mal-Papa Franġisku, il-Ministru Abela irrisponda “it-tbissima naturali tiegħu tispikka”.