Iz-ziju ta’ Andrew Mangion, Grezzju Micallef, xehed illum hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni b’rabta mal-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker.
Andrew Mangion huwa akkużat li qatel lil martu, ta’ 33 sena. Il-katavru tagħha nstab f’maħżen f’Ħal Qormi nhar it-3 ta’ Lulju, imgeżwer fil-plastik u moħbi taħt pallets tal-injam.
Grezzju Micallef qal li kien nhar is-Sibt meta Andrew mar b’vann abjad fl-għalqa ta’ Grezzju u trasportaw xi pallets. Il-Ħadd filgħodu Andrew għarraf lil mart Grezzju li kien sejjer l-għalqa, fejn komplew jaħdmu fuq dawn il-pallets.
Aktar tard, Andrew reġa’ mar l-għalqa, u miegħu kellu lil bintu, li baqgħet mal-mara ta’ Grezzju. Andrew qal lil Grezzju li kien għamel xi ħaġa ħażina. Waqt li kienu fil-vann ta’ Andrew, dan qal li ma kienux se jġorru aktar pallets, bil-kliem preċiżi jkunu: ‘X’pallets il-Madonna, ha ngħabbi lil Eleanor’
Grezzju qal li Andrew qallu li issa, jew kienu se jisparawlu, jew kien se joqtol lilu nnifsu billi jispara għal rasu. Grezzju qal li prova joħroġlu ċ-ċwievet u jwaqqaf il-vann, iżda Andrew ħareġ mill-vann u ħarab, u ħallieħ imsakkar ġewwa. Kwarta wara rritorna, u fetaħlu, u Grezzju qabbad lin-nies li joqdu qrib l-kunjatu tiegħu, fejn irrikorra għall-għajnuna, iċemplu lill-Pulizija.
Grezzju kien jaf liema mħażen kellu aċċess għalihom Andrew, u għalhekk ħa lil Pulizija Ħal Qormi.
Xehed ukoll Julian Grech, li kien iħaddem lil Andrew. Qal li Andrew qallu li kien qed jieħu pilloli biex jorqod, u li kellu problemi mal-mara għal dawn l-aħħar għaxar snin. Qal li l-ikbar biża tiegħu kienet li jitlef lil bintu.