Il-kor flimkien mal-kant tal-Milied huma sinonimi ma’ dan ix-xahar ta’ festi għal bosta nies, b’mod speċjali għall-kantanti ċkejknin li ta’ kull sena jieħdu sehem f’kunċerti tal-Milied fost l-oħrajn. L-iskola tal-kant ‘Centre Stage Malta’ hija waħda mill-gruppi ta’ kantanti li jorganizzaw spettakli tal-Milied kull sena, iżda minħabba l-pandemija, kellhom iħassru l-pjanijiet tagħhom.
ONE News tkellem mad-direttur ta’ din l-iskola, Tiziana Calleja li flimkien mall-istudenti tagħha, sabu mod kif idaħħlu n-nies fl-ispirtu tal-Milied waqt li jkunu siguri mill-Covid-19. Tiziana spjegat kif tħossha fortunata li wara sena ta’ sfidi, xorta waħda għandha mod kif tesprimi ruħha bħala artista.
Qalet kif, “Hija opportunità u pjattaforma li aħna nistgħu nesprimu ruħna u niżvugaw sena sħiħa ta’ enerġija b’kant, spettaklu, ċajt mal-udjenza tagħna. Ikollna ħafna storbju. Hawn ikollna ħafna storbju preżempju, qatt ma kelli udjenza li minflok iċċapċap, iddoqq il-ħorn. Jiġifieri anke għalina kienet qisha pjattaforma ġdida li fetħet iktar l-opportunitajiet sabiex l-artist ikun jista’ joffri.”
Tiziana wkoll ħeġġet lill-familji kollha sabiex jattendu dan l-ispettaklu tal-Milied f’Ta’ Qali, ‘Drive-Thru Christmas’ fejn jistgħu jgħinu lill-artisti kollha li tħassrulhom il-pjanijiet għal din is-sena. Hawn, jistgħu jesperjenzaw villaġġ tal-Milied uniku mis-sigurtà tal-karozza tagħhom, filwaqt li jkunu qegħdin jgħinu lill-Fondazzjoni tal-Malta Community Chest Fund, u lid-Dar tal-Providenza fost l-oħrajn.
ONE News tkellem ukoll ma’ xi studenti żgħar tal-kant li qegħdin jieħdu sehem f’dan l-avveniment.
Spjegaw, “Is-soltu konna mmorru f’lukanda u nkantaw quddiem in-nies, imma peress li llum ma nistgħux minħabba l-Covid, ġejna hawnhekk. Konna nkunu kollha f’daqqa u mhux dejjem ninfirdu u kollox imma issa ma nistgħux inkunu kollha f’daqqa”
B’entużjażmu, dawn il-kantanti riedu jaqsmu wkoll it-talent tagħhom magħna, u xtaqu li jħajjru lis-segwaċi sabiex jattendu għal dan l-avveniment