“F’temp ta’ ħamest ijiem tlift lil marti.”
Hekk spjegalna Victor Galea armel u c-Chairperson tal-għaqda tar-romol meta ħares lura għal dawk il-ftit jiem mill-Erbgħa sat-Tnejn ta’ tliet snin ilu li biddlulu ħajtu għal kollox.
Victor li huwa fanatiku kbir ta’ San Gejtanu u t-tim tal-Milan spjega magħna kif l-imħabba lejhom aktar ma beda jgħaddi żmien aktar bdiet tmajna sew minħabba t-telfa kbira li kien qed iġarrab.
“Jien għaddejt minn fażi fejn kelli apatija għall-ħajja in ġenerali. Fejn kont inħobb nara film, ma bqajtx nara film, inħobb nisma’ l-mużika, tispiċċa tisma’ l-mużika u lanqas tapprezzaha qisek qed tisma’ l-mużika biex għaddejt il-ħin. Tara logħba futbol biex għaddejt il-ħin. L-unika xewqa li kien ikolli hija li jgħaddi l-ħin ħalli nidħol fis-sodda ħalli norqod u kont nixtieq norqod imqar tliet ġimgħat u nqum tliet ġimgħat wara. Dawn emozzjonijiet li jgħaddi kulħadd minnhom, kull min jormol.”
Victor stqarr magħna li wliedu kienu bastun matul din l-esperjenza u ħares lura għall-ġimgħa li tilef lil martu u bintu qaltu hekk.
“Qaltli, ‘jien u ħija nixtiequk timxi bil-ħajja, għadek żgħir u l-mummy kienet tgħidilna li jekk jiġrilha xi ħaġa ngħinuk tkompli timxi ‘l quddiem.’ Iġifieri l-mara diġa kienet qed taħseb, kif fil-fatt ġralha biex jien nibqa’ nimxi ‘l quddiem.”
Fid-dawl ta’ dan, Victor saħaq fuq l-importanza tal-komunikazzjoni anki qabel ma’ sseħħ xi eventwalità kif ukoll wara l-mewt.
Wara li tilef lil martu, Victor ingħaqad mal-organizzazzjoni Minus One li tilqa’ fi ħdanha r-romol kollha.
Illum il-ġurnata laħaq Chairperson ta’ din l-organizzazzjoni u wera sens ta’ tħassib għal dawk li jgħaddu minn din il-pjaga li ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi tagħhom.
“Ma jfissirx li għax ormolt tieqaf tiżviluppa l-ħiliet tiegħek. Dak huwa żball. Jien ninkwieta ħafna li jkollok armel jgħidlek jien ma nafx insajjar. Ma nistgħux nistennew li nieħdu d-daqqa biex nitgħallmu nagħmlu l-affarijiet. Għandna nitgħallmu minn meta nkunu żgħar.”
Wara tliet snin f’din l-organizzazzjoni Victor ħass il-bżonn li jkun hu li jagħti daqqa t’id permezz ta’ kliem fuq karta. Xi ħaġa li hu dam ifittex meta kien għaddej minn żmien diffiċli hekk kif il-litteratura popolari tindirizza maġġorment lil dawk ir-romol aktar avvanzati fl-età.
B’hekk, Victor qabad pinna u beda jikteb.
“Tbati biex tiktbu għax filwaqt li kulħadd jipprova jaħbi dawk l-istressors jgħidulhom bl-Ingliż li jiskattaw fina l-memorji, kulħadd jipprova jaħbihom il-memorji għax il-memorji sakemm titgħallem taċċettahom ikissruk. Jien bil-maqlub biex nikteb dan il-ktieb kelli niftakar fil-passat u l-passat trid tiftakar fil-mara.”
B’dan il-ktieb bl-isem ‘Qawsalla wara l-Maltemp’, Victor xtaq jgħaddi żewġ messaġġi.
“Ħajtek ma waqfitx, ma spiċċatx, xorta għandek toħlom. Naturalment il-ħolm għandu jkun realistiku għax jekk ma jkunx ħolm realistiku tispiċċa ħażin u rrid nitfa’ messaġġ ieħor li għalkemm ħadna daqqa kbira xorta nistgħu nkunu ferħana u xorta għandna nagħżlu dejjem favur il-ħajja, dejjem li ngħixu u mhux neżistu. Aħna m’aħniex xi biċċa għamara f’xi dar, dik teżisti, aħna tad-demm u l-laħam, irridu ngħixu.”
Dan il-ktieb jista’ jinkiseb billi wieħed jagħmel kuntatt mal-awtur jew mal-organizzazzjoni Minus One fuq il-midja soċjali.
Apparti hekk, Minus One qiegħda tistieden lir-romol, huma min huma, għaddew minn xiex għaddew sabiex jingħaqdu flimkien fit-22 ta’ Ġunju fil-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.