Jum biss wara l-inċident fil-Birgu ta’ Kristu Rxoxt- fejn l-istatwa spiċċat mingħajr driegħu x-xellugija, ONE NEWS iltaqa’ mal-Arċipriet Kanonku Dun Karm Busuttil li rrakkonta kif filli kien hemm atmosfera ta’ ferħ, filli f’daqqa waħda nqalgħat kommosjoni kbira fost in-nies.
Dan wara li l-istatwa tal-Irxoxt weħlet ma’ cable ta’ kumpanija privata liema wire kien imdendel f’livell baxx ħafna fi Triq il-Ħabs l-Antik.
Dun Karm Busuttil spjega kif “Filli tkun f’dak il-ferħ kollu u f’daqqa waħda inqala inċident li meta tawni idu f’idi xoroq l-għaraq għalija.”
L-Arċipriet kompla jispjega kif il-Ħadd filgħaxija mar fuq il-post sabiex jipprova jifhem eżattament x’seta’ wassal għal dan l-inċident sfortunat.Sostna kif “filgħaxija mort nara u rajt dan l-imbierek ta’ cable bandla… bandla kien.”
L-Arċipriet saħaq li kellu jagħmel dan il-pass fl-aħjar interess tal-Ġirbin.
Sorsi ta’ min jorbot fuqhom qalu lil One News li kmieni it-Tnejn filgħodu, intlemħu xi ħaddiema tal-istess kumpanija privata jirranġaw dan il-cable; il-preżenza ta’ dawn il-ħaddiema qajmet ċertu rabja fost ir-residenti ta’ dawk l-inħawi.
L-Arċipriet spjega li kien imnalla li r-reffiegħa jerfgħu l-istatwa fuq idhom għaliex li kieku refgħu l-istatwa fuq spallejhom setgħa kien hemm konsegwzi koroh.
Mistoqsi dwar min ser jagħmel tajjeb għall-ispiża ta’ din il-ħsara kollha, l-Arċipriet wieġeb li qed jistenna li jsir rapport mir-restawratur Renzo Gauci. Apparti li waqat driegħ ix-xellugija tal-Irxoxt, il-ħsara saret ukoll fuq l-arblu tal-bandiera tal-fidda- madanakollu, kollox ser iħoll u jorbot fuq l-analiżi dettaljata tar-restawratur li minn hawn u ftit ieħor ser ikollu f’idejh l-istatwa. Dwar il-ħlas tad-danni l-Arċipriet qed jittama li min hu responsabbli għal dan l-att negliġenti jersaq il-quddiem u jħallas hu.