Dik li kellha tkun lejla normali għal Emanuel u Doris Rizzo – koppja anzjana mill-Fgura, inbidlet f’lejla ta’ xokk li qatt mhu se jinsew.
F’intervista ma’ ONE News, viżibbilment emozzjonat, l-anzjan spjega kif wara li hu u martu daħlu lura d-dar wara li marru jieklu s-Sibt filgħaxija, sabu ħerba.“Kif ftaħt il-bieb smajt ħoss ħsibt li kienet il-qattusa. Bqajt dieħel fil-kuritur, dħalt fil-kamra tal-banju u ndunajt x’ġara x’ħin rajt il-ħġieġ mal-art.”
Mill-kamra tas-sodda, il-ħalliel jew ħallelin irnexxielhom jieħdu d-deheb tal-anzjana u mal-elfejn ewro fi flus.
“Daħlet il-mara, bdiet tibki, qaltli kollox ħadulna. Imn’Alla kelna xi ħaġa oħra għax ma ħallewx ħafna flus.”
Wara li rrealizza x’kien ġara ċempel l-Għassa ta’ Raħal Ġdid, u stqarr li l-Pulizija marru mal-ewwel, flimkien ma’ dawk tal-Forensika.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija komplew tul il-jum tal-Ħadd.
Bid-dmugħ f’għajnejh stqarr li jittama li ħadd ma jgħaddi minn dak li għaddew minnu hu u martu.
Il-vittmi appellaw biex kull min għandu xi informazzjoni jgħaddiha lill-Pulizija.