“Illum huwa l-Jum tal-Ħaddiema, il-jum fejn inroddu ħajr lill-ħaddiema li tul l-aħħar 15-il xahar baqgħu għaddejjin minkejja ċirkostanzi ta’ pandemija.” Hekk beda d-diskors tiegħu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’Jum il-Ħaddiem waqt żjara fil-fabbrika tal-Maypole.
Żjara fost ħafna li l-Prim Ministru qed jagħmel lill-ħaddiema f’kull faxxa tas-soċjetà madwar Malta u Għawdex tul il-jum.
Fl-isfond tal-ħaddiema jippreparaw furnata ħobż, il-Prim Ministru sostna li pajjiżna żamm sod għall-pandemija grazzi għall-ħaddiema bieżla li għandna.
Kien għalhekk l-Gvern għamel minn kollox biex isostni u jinċentiva l-ħaddiema fosthom anke bi ftehim kollettiv wara ieħor lill-forzi ddixxiplinati ta’ pajjiżna u t-tneħħija tal-ħlas ta’ liċenzji ta’ negozji mal-MTA għal din is-sena.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “L-aħħar jiem ma kienux eċċezzjoni. Erġajna ħabbarna b’€20 miljun f’għajnuna għan-negozji. Kemm assistenza u kemm inċentivi. Reġgħu ħarġu l-applikazzjonijiet biex inkomplu nsewwu l-inġustizzji tal-passat. Dan b’valur ta’ €10 miljun.”
Dr Abela sostna li dan kollu wassal biex f’sena ta’ pandemija jiġi salvati l-impjiegi. Dan filwaqt li naqqas b’mod sostanzjali l-persuni li huma mċaħħdin materjalment severament.
Huwa qal, “L-għadd ta’ persuni mċaħħda materjalment b’mod sever niżel u mhux żdied f’pandemija u ċ-ċaħda materjali kif tonqos? Tonqos għax insaħħu lill-ħaddiema. Għax il-ħaddiem noħolqulu x-xogħol. Sa din il-ġimgħa stess statistika dwar ix-xogħol reġgħet uriet li pajjiżna żamm taħt kontroll ir-rata tal-qgħad tiegħu. Ilbieraħ stess reġa’ rriżulta li pajjiżna għandu fost l-inqas rati ta’ qgħad.”
Il-Prim Ministru sostna li dan il-Gvern huwa konxju ta’ iktar tbatijiet f’pajjiżna u b’hekk temm jgħid li se jkompli jibqa’ jaħdem biex ikun ta’ spalla għal dawn il-persuni.
Dr Abela saħaq: “Dak huwa d-dover tagħna bħala Gvern. Fix-xogħol, fl-opportunitajiet ġodda li noħolqu, fl-iskemi ta’ appoġġ bħall-in work benefit u t-tapering tal-benefiċċji, fl-iskemi ta’ għajnuna li erġajna nedejna u li se nkomplu nniedu. Ix-xogħol u xogħlna kien, għadu u jibqa’ dak li nsaħħu lill-ħaddiem u lin-negozji tagħna.”
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/05/01/il-pm-jzur-haddiema-ta-fabbrika-li-tipproduci-prodotti-li-jintuzaw-fl-isptarijiet/