Mija u għaxar familji Bormliżi se jibbenefikaw minn manutenzjoni f’għoxrin blokka ta’ appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali.
Ix-xogħol jinkludi tisbieħ fi sbatax-il blokka b’investiment ta’ tmienja u sebgħin elf ewro u li minnhom se jibbenefikaw disa’ u tmenin familja. Fi tliet oqsma tad-djar oħra se jiġi installat lift għall-aċċessibilità aħjar għar-residenti li jgħixu fihom.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem waħda mill-binjiet f’Bormla, is-Segretarju Parlamentati għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal dan ix-xogħol qed itejjeb il-livell tal-għajxien ta’ mijiet ta’ familji li jgħixu fl-oqsma tad-djar f’Malta u Għawdex.
“Dan juri biċ-ċar anke l-impann tagħna, li lokalità bħalma hija bormla, li hija miżgħuda b’housing soċjali, minħabba li kienet sofriet ħsara kbira fil-gwerra, allura inbena ħafna bini ta’ housing soċjali dak iż-żmien. Allura dawna rridu nindukrawhom, nieħdu ħsiebhom u nsaħħu l-istokk eżistetni li għandna f’din il-lokalità”
Is-Sindku ta’ Bormla, Alison Zerafa Civelli qalet li bil-kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tad-Djar flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla ħadmu id f’id sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja għar-residenti Bormliżi.
“Huwa ta’ pjaċir għalina bħala Kunsill Lokali ta’ Bormla ħdima sew u ħdima id f’id kemm mas-Segretarjat u mal-Awtorità tad-Djar sabiex ir-residenti tagħna Ii jgħixu f’dawn il-housing estates, f’dawn il-blokok jgħixu ħajja aħjar, ħajja aktar komda f’ambjent sabiħ”
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li l-għażda tax-xogħlijiet se tkun f’idejn ir-residenti li jgħixu f’dawn l-oqsma tad-djar. Ix-xogħlijiet jinkludu bdil ta’ madum imkisser, puġġamani ġodda u xoghol ta’ żebgħa fost oħrajn.