Bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru ta’ din is-sena, xogħol ta’ twaqqigħ u tħaffir mhux ser ikun permess f’żoni turistiċi.
Dan skont stqarrija konġunta mill-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità Maltija u t-turiżmu u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.
Din l-inizzjattiva għandha l-għan li siti ta’ kostruzzjoni ma jkunux ta’ inkonvenjent fuq l-industrija turistika kif ukoll għall-familji Maltin u Għawdxin li jgħixu f’żoni turistiċi.
Xogħol illegali ta’ twaqqigħ u tħaffir jistgħu jiġu rrapportati lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.
Dan filwaqt li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hija l-awtorità responsabbli sabiex tidentifika dawk il-lokalitajiet u toroq li fihom ma jistgħux isiru dawn it-tip ta’ xogħlijiet.
Wieħed jista’ jara l-lista sħiħa ta’ fejn dawn ix-xogħlijiet huma projbiti fuq is-sit tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Apparti hekk dawk il-membri tal-pubbliku li jixtiequ jżidu aktar toroq ma’ din il-lista għas-sena 2023 jistgħu jagħmlu t-talba tagħhom permezz tal-Kunsill Lokali rispettiv tagħhom.