Partijiet mir-ringroad tal-ajruport bħalissa qed isirilhom xi xogħlijiet ta’ titjib. Minkejja x-xogħol li qed isir, il-punti prinċipali tad-dħul u l-ħruġ tal-ajruport mhux se jkunu affettwati. Madankollu, huwa importanti li, minħabba li jista’ jkun hemm aktar dewmien f’xi waqtiet, wieħed jaħseb kmieni sabiex jasal l-ajruport f’ħin tajjeb għat-titjira li jkollu.
Tkellimna ma’ Lorna Refalo, li hija Uffiċjal eżekuttiv tal-komunikazzjoni fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u staqsejniha kif wieħed għandu jasal sat-terminal.
“Importanti ngħidu li d-daħla prinċipali tal-ajruport ma ġietx affetwata, pero meta persuna tasal fejn l-ajruport internazzjonali ta’ Malta nnifsu għandha dejjem isegwi s-sinjali direzzjonali li ħejjejna apposta kif ukoll l-istruzzjonijiet li qed jagħtu membri tat-tim tagħna li qegħdin stazzjonati fil-punti kruċjali tal-vjaġġ.”
Kull min ikun qed iwassal lil xi ħadd lejn l-ajruport jew jiġbor lil xi ħadd li jkun għadu ġej minn barra mhux se jkun jista jibqa’ dieħel sa quddiem l-ajruport. Għaldaqstant, il-parkeġġi madwar l-ajruport se jibqgħu jaħdmu b’mod normali u mhux se jkunu affettwati. Il-karozzi privati se jkunu jistgħu jidħlu fil-parkeġġ tal-ajruport, fiż-żona temporanja allokata għal dan il-għan.
“Din hija waħda mill-aktar bidliet sinifikanti. Filwaqt li, qabel, persuna setgħet twassal jew tiġbor lil xi ħadd eżatt minn quddiem it-terminal, issa biex twassal lil xi ħadd għandek tidħol fil-parkeġġ prinċipali tal-ajruport skont kif tkun iggwidat min-nies tagħna.”
Is-servizz tal-karozzi tal-linja se jibqa’ jopera b’mod normali u mhux se jkun affettwat. Kull min ikun qed iwassal lil xi ħadd li jkun se jsiefer jew jiġbor lil xi ħadd li jkun għadu ġej minn barra, għandu l-ewwel nofsiegħa bla ħlas. Lorna Refalo tkellmet magħna dwar l-għan ta’ dawn ix-xogħlijiet.
“Dawn ix-xogħlijiet eventwalment se jsarrfu f’esperjenza aħjar għall-passiġġieri u l-viżitaturi tagħna, pero aħna nixtiequ niskużaw ruħna ta’ kull inkonvenjent li jistgħu jikkawżaw dawn ix-xogħlijiet.”
Huwa ppjanat li dawn ix-xogħlijiet jkunu tlestew sa tmiem dan ix-xahar.