B’investiment ta’ ftit inqas minn erba’ mitt elf ewro, għaddej xogħol ta’ titjib u tisbiħ f’waħda mis-swali tal-Isptar Monte Carmeli. Din is-sala, li x-xogħol fiha se jkun lest sa Ġunju li ġej, se tintuża għar-rijabilitazzjoni ta’ dawk li jkunu fil-proċess qabel joħorġu minn dan l-isptar.
Id-Direttur tal-Infermieri tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, Dr Victoria Sultana, spjegat kif din is-sala se jkollha l-aqwa livell li jixraq kemm lill-pazjenti kif ukoll lill-ħaddiema.
Qalet, “Il-fażi tar-rijabilitazzjoni bejn l-Isptar u s-soċjetà barra, biex inti tkampa – għax hawn ċerti klijenti li jkunu żmien twil l-isptar. Ċerti affarijiet trid titgħallimhom jew xi ħadd ifakkrek kif għandek tagħmilhom biex ma ssibx id-diffikultà meta inti tintegra ruħek.”
F’din is-sala, il-pazjenti se jitgħallmu ċerti ħiliet sabiex ma jsibux diffikultajiet qabel jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà.
Tkellimna wkoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Carmen Ciantar.
Qalet, “Saru xogħlijiet ukoll ta’ dawl, ilma, dranaġġ ġdid, eventually air conditioning u xogħlijiet ta’ tikħil, tibjid, kmarar tal-banju ġodda… anki qed isir restawr fuq l-apperturi barra għaliex huma apperturi tal-injam.”
Ciantar spjegat kif ix-xogħlijiet fuq din is-sala huma parti minn kullana ta’ proġetti oħra li għaddejjin f’Monte Carmeli. Dan huwa parti mill-istrateġija tal-Gvern għas-saħħa mentali, fejn il-binja preżenti tinżamm, iżda tkun mgħammra skont l-istandards tal-lum.