Beda xogħol ta’ riġenerazzjoni fuq il-ġnien ta’ Sant’ Anton sabiex dan l-ispazju miftuħ ikun jista’ jitgawda mill-familji Maltin u Għawdxin.
Fost l-oħrajn qed isir xogħol ta’ emerġenza fuq ħajt fid-daħla tal-ġnien sabiex jissolvew problemi strutturali li żviluppaw tul is-snin.
Dan ix-xogħol ser ikun ikkumplimentat b’intervent ieħor ferm ikbar mal-bqija tal-ġnien.
Il-Perit tal-proġett Johanna Portelli spjegat kif bħalissa Greenserv flimkien ma’ Ambjent Malta għaddejja bil-preparazzjonijiet għal dan ix-xogħol. “Tinkludi survey, mapping u anke photographic record ħalli jinbidlu areas bħall-passaġġi li maż-żmien saritilhom il-ħsara u fil-fatt m’humiex livelli. U allura qed naraw l-aħjar intervent biex nagħmlu l-aċċess aħjar fil-ġnien. U anke nikkonservaw karatteristiċi oħra important bħas-sieqja u l-funtani ħalli fl-aħħar mill-aħħar ikollna ġnien għall-poplu biex igawdi.”
Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia spjega kif il-Gvern qed ikompli jisma’ l-messaġġ tal-poplu li jixtieq amministrazzjoni iffukata fuq l-aspett ambjentali u saħaq id-determinazzjoni tiegħu li l-ġenerazzjoni li jmiss tiret ambjent ferm aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar. “Dan ser isir flimkien mal-SEH jiġifieri ser nippreservaw il-wirt storiku li hawn iżda x-xogħlijiet iridu jsiru biex il-ġnien jitgawda mill-familji Maltin u Għawdxin. Jien nħares ’il quddiem biex ix-xogħlijiet li għandna pjanati jsiru, ikomplu jsiru kif ġara fl-aħħar ġimgħat u b’hekk il-ġnien ikun jista’ jitgawda fil-ħin rikreattiv tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.”