Fis-Sala tat-Tron fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta qed isir restawr u konservazzjoni fuq pitturi storiċi li juru tnax-il episodju mill-Assedju l-Kbir impittra mill-pittur Taljan, Matteo Pérez D’Aleccio.
Il-pitturi li jżejnu l-parti ta’ fuq tal-ħajt tas-sala u li kienu saru madwar tletin sena wara r-rebħa tal-Ordni fuq it-Torok, kienu sarulhom xi xogħlijiet matul is-snin.
Il-Professur JoAnn Cassar spjegat il-proċedura li ħadmu biha qabel ma beda x-xogħol: “Aħna li qed nagħmlu huwa li nofs il-pannelli li fadal li kienu għadhom ma rrestawrawx qegħdin nistudjawhom bir-reqqa ħafna biex naraw kemm minn xiex għaddew fil-passat, jiġifieri interventi anke wara l-gwerra, wara żmien l-Ingliżi li kienu biddlu din il-kamra kompletament u anki restawr li forsi ħbew xi ftit, infatti qed insibu li ħbew xi ftit mill-oriġinal ta’ D’Aleccio li huma skoperti verament sbieħ u interessanti.”
Il-Professur kompliet tispjega ix-xogħol delikat li qed jagħmlu l-Konservaturi professjonali u studenti li qed jistudjaw il-konservazzjoni f’livell Maġisteru fid-Dipartiment tal-Konservazzjoni u l-Patrimonju Mibni.
Hija sostniet: “Imbgħad aħna rridu nieħdu deċiżjonijiet u dawn se noħduhom ma tim kbir ukoll ma’ Heritage Malta fejn hemm bżonn li forsi nneħħu xi ftit minn dan li jgħidulu overpainting u fejn inżommuh. Imbagħad irridu nikkonsolidaw, jiġifieri kull fejn iż-żebgħa mhix solida irridu nagħtuha s-saħħa tagħha, tindif kbir għax matul is-snin dawn ma tantx tnaddfu u din il-kamra għaddiet minn ħafna affarijiet u mbagħad naraw kif se nippreżentawha lill-pubbliku.”
Intant, l-Awtorità għall-Ippjanar tat donazzjoni ta’ ħamsa u sebgħin elf ewro sabiex ikun jista’ jsir dan ix-xogħol li qed jippreserva l-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li l-konservazzjoni kulturali hija parti integrali mill-ippjanar filwaqt li l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Josè Herrera semma kif dan il-proġett ta’ restawr huwa parti minn proġett li qed isir fil-Palazz tal-Gran Mastru b’investiment totali ta’ tmienja u għoxrin miljun ewro.