Ingħata bidu x-xogħol ta’ restawr fuq it-tieni parti tal-faċċata tas-Sur ta’ San Nikola, li jifforma parti mis-Swar tal-Kottonera, hekk kif l-ewwel fażi ta’ dan ir-restawr tlestiet ftit xhur ilu.
L-armar diġà ntrama fuq it-tieni parti tal-faċċata tas-sur, inkluż il-parti tas-sur li tinsab fuq il-Mina tal-Polverista, minn fejn tgħaddi t-triq li tgħaqqad lil Bormla mal-Fgura.
Ir-restawr fuq l-ewwel nofs tas-sur kien jinvolvi wkoll il-ħitan ta’ wara, fejn wieħed minnhom kien fi stat perikoluż u kellu jiġi żarmat bil-galbu u mibni mill-ġdid, billi ntuża ħafna mill-istess ġebel oriġinali.
Ix-xogħlijiet fuq din it-tieni fażi huma mistennija jitlestew sal-aħħar tas-sena u qegħdin isiru b’investiment ta’ €650,000. Permezz ta’ dan il-proġett, se jkunu restawrati aktar minn 4,500 metru kwadru tas-swar.
Dan tħabbar waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.
Kif spjega l-perit tal-proġett, Stephen Seracino Inglott, attwalment, il-ħitan qed jiġu mnaddfa mill-ħmieġ u t-trab akkumulat, filwaqt li l-ġebel li tilef il-forma oriġinali tiegħu jew li jista’ jikkawża problemi strutturali qed jinbidel.
Barra minn hekk, fit-twieqi tal-faċċata tas-sur qed jitwaħħlu gradilji tal-ħadid galvanizzat biex jipprevjenu d-dħul tal-ħamiem u l-ħmieġ tagħhom f’dawn l-ispazji.
Qal, “Il-pavimentar qed jinqala’, jiġi nnumerat it-torba li fiha ħamrija u żerriegħa tal-ħaxix ħażin qed titneħħa u ssir torba ġdida. Qed issir ukoll geotextile biex jikber anqas ħaxix ħażin minn fuq dawn is-swar u terġa’ titpoġġa l-pavimenetazzjoni oriġinali skont fejn kienet qabel.”
Is-Sindku ta’ Bormla Marco Agius nnota l-importanza li dan is-sur jiġi ppreservat.
Qal, “It-tkomplija tas-swar ta’ Nikola Cottoner, il-Gran Mastru taħt l-Inġinier Valperga, swar immens sbieħ. Nirringrazzja lill-Ministru Bonnici u lil Alison Zerafa Civelli talli semgħu l-karba tagħna biex dan ir-restawr jitkompla.”
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll iċ-chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi.