F’Ħaż-Żebbuġ għaddej ix-xogħol ta’ restawr fuq waħda mill-eqdem ġawhriet patrimonjali li jħaddan dan ir-raħal.
Il-Kappella tal-Madonna tad-Dawl f’Ħaż-Żebbuġ hi waħda mit-tlettax-il proġetti tal-aħħar skemi ta’ restawr għall-Kunsilli Lokali 2022.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar il-proġett ta’ restawr li jinsab għaddej fuq din il-kappella wara li l-proġett kien propost mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ stess, bix-xogħol jibda f’Settembru tal-2023.
Ix-xogħol kollu fuq il-kappella, mill-bidu tad-dokumentazzjoni u l-applikazzjoni għall-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar, qiegħed isir mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ġie spjegat kif ix-xogħol ta’ restawr jinkludi t-tindif tal-faċċata u tal-kampnar mill-ħmieġ u qoxra sewdenija li akkumulaw maż-żmien, kif wkoll minn msiemer u affarijiet li ġew miżjuda maż-żmien.
Dwar dan u aktar tkellimna mal-Perit tal-proġett Audrey Ann Bonnici.
Qalet, “Ħa jsir it-tikħil tal-fili li ġew mitlufin anke ħalli nkunu nistgħu nqabblu kemm jista’ jkun għal dak li għadu tajjeb, jiġifieri dak li għadu eżistenti, l-oriġinali. Sar ukoll tindif mill-kisi li kien hemm fil-parti t’isfel tal-faċċata u anke fejn ikun hemm bżonn ħa jkun hemm tibdil ta’ ġebel, għax l-istat li kien hemm taħt it-tikħil ma kienx tajjeb wisq u ħa jsir anke ukoll ir-restawr tal-aperturi.”
Min-naħa tiegħu, l-Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ, Fr Albert Buhagiar, tenna l-importanza tal-konservazzjoni ta’ dan il-patrimonju importanti li jħaddan pajjiżna.
Spjega kif, għalkemm din il-kappella ma toffriex is-servizz ta’ quddies ta’ kuljum, permezz ta’ dan il-proġett ta’ restawr, issa tista’ titgawda aħjar mill-komunità Żebbuġija, filwaqt li ’l quddiem taqdi b’aktar kumdità s-servizzi reliġjużi li jistgħu jsiru fiha.
Preżenti għall-konferenza, il-Ministru Owen Bonnici tenna li dawn il-proġetti ta’ restawr fi ħdan id-diversi komunitajiet huma milqugħin u apprezzati ħafna mir-residenti.
Kompla jispjega li l-proġetti, li tlestew matul is-snin, bħala parti mill-iskema jvarjaw fin-natura u l-iskala – minn proġetti żgħar bħal slaleb jew statwi tradizzjonali sa oħrajn ta’ skala medja li jinvolvu bini storiku u monumenti li jmorru lura għal żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Stqarr, “Jiena nemmen li, fil-komunitajiet tagħna, fl-irħula tagħna hemm ħafna ġawhar patrimonjali storiċi ta’ valur kbir mhux biss arkitettoniku, imma anke għar-residenti u l-komunitajiet. Li hemm ħafna familji li jgħixu fil-qrib ta’ dawn il-ġawhar patrimonjali li jieħdu gost jarawna nieħdu ħsiebhom u nirrestawrawhom. Dan jista’ jsir id f’id mal-Kunsilli Lokali tagħna.”
Il-Kappella ddedikata lill-Madonna tad-Dawl hi waħda mill-eqdem kappelli li nsibu f’Ħaż-Żebbuġ. Qabel inbniet il-kappella attwali, jirriżulta li fuq il-post kienet teżisti oħra.
Fil-gwerra, il-kappella ħelsitha ħafif minn bomba meta din waqgħet fil-viċin u ma splodietx. Minkejja dan, il-kappella ġarrbet ħafna ħsarat, speċjalment fil-kampnar. Il-ħsara tranġat mill-ewwel biex b’hekk il-kappella setgħet tkompli tintuża.
Dan ir-restawr mistenni jitlesta fi żmien sena.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ Mark Camilleri.