Permezz ta’ fondi Ewropej ġie restawrat kapulavur tal-arti tal-Isqalli Antonio Manuele da Messina, magħruf bħala Pippi, fil-Katidral ta’ Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li permezz tal-proġetti ta’ restawr u tar-riġenerazzjoni tal-patrimonju kulturali, Għawdex kompla jibbenefika minn aktar fondi Ewropej, fondi li jammontaw għal aktar minn 2 miljun ewro.
Il-Ministru Caruana esprimiet sodisfazzjon li permezz ta’ dawn l-interventi fuq 13-il knisja jew kappella madwar Għawdex, li uħud minnhom kienu tant meħtieġa, qed nassiguraw li l-wirt kulturali u reliġjuż Għawdxi jiġi preservat u mgħoddi lil ġenerazzjonijiet futuri u jitgawda mill-eluf ta’ viżitaturi li jagħżlu lil Għawdex bħala destinazzjoni kulturali.
Il-Ministru għal Għawdex qalet li l-ministeru se jkompli jaħdem biex jattira akar fondi Ewropej lejn Għawdex, liema fondi jintużaw biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin. Il-Ministru Caruana fakkret li għaddejja ħidma biex għall-programm ta’ fondi li jmiss, Għawdex jieħu iktar fondi u rringrazzjat lis-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia għall-għajnuna u għall-kollaborazzjoni sħiħa tiegħu.