B’investiment ta’ €150,000 se jkun qed isir xogħol ta’ manutenzjoni fuq 30 blokka f’disa’ lokalitajiet.
Dan bħala parti mill-iskema “Id f’id mar-residenti”, li se tara mal-200 familja jingħaqdu flimkien biex jiddeċiedu x’tip ta’ manutenzjoni għandha ssir u x’inhuma l-akbar sfidi ta’ prijorità.
Filwaqt li l-Awtorità tal-Housing se tiffinanzja u tissorvelja x-xogħlijiet, se jkunu r-residenti li jiehdu rwol attiv fil-manutenzjoni u l-immaniġjar tal-blokka tagħhom.
Il-binjiet li se jibbenefikaw minn dawn il-fondi huma 7 blokok f’Bormla, 5 blokok f’Ħal Għaxaq, 5 blokok fis-Siġġiewi, 4 blokok f’Ħal Qormi, 3 blokok fl-Isla, 2 blokok f’Ħal Kirkop, 2 blokok fir-Rabat, blokka f’Birżebbuġa u blokka fl-Imtarfa.
Dan l-investiment isegwi dak ta’ €170,000 s-sena l-oħra, meta sar xogħol fuq 34 blokka fil-Għargħur, fil-Birgu, f’Bormla, fis-Siġġiewi, fil-Fgura, f’Ħal Qormi, fil-Gudja u f’Ħal Luqa.