B’investiment ta’ seba’ miljun ewro, l-Enemalta għaddejja b’xogħol ta’ estensjoni fid-distribuzzjoni f’San Ġiljan. Permezz ta’ dan il-proġett, id-distribuzzjoni tal-enerġija f’din iż-żona se tlaħħaq mad-domanda li dejjem qed tiżdied f’dawn l-akwati ta’ pajjiżna.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qalet kif dan l-investiment qed isir sabiex iserraħ ras ir-residenti. Qalet kif dan ix-xogħol waqt il-pandemija kompla għaddej b’mod normali u se jkun lest fiż-żmien stipulat.
Qalet kif, “L-investiment li qegħdin naraw illum qed isaħħaħ l-areas ta’ San Ġiljan, ta’ Tas-Sliema jew anke tal-Gżira, fejn rajna ammont ta’ residenti u anke entitajiet kummerċjali jiżdied. Il-pjan tagħna huwa li nkomplu ninvestu biex naraw li noffru l-aktar servizz b’saħħtu u l-aktar servizz li jista’ jserraħ moħħ in-nies.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġinier Jason Vella qal kif f’dan il-proġett ġie nstallat ‘transformer’ ġdid kif ukoll diversi cables.
Spjega, “Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Enemalta hija li tiżġura stabilità fis-supply tal-enerġija u dan iċ-ċentru ta’ distribuzzjoni propju jilħaq dan il-għan, jiġifieri li jsaħħaħ in-network tagħna.”