F’Għajnsielem bħalissa għaddej xogħol investigattiv b’rabta mal-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex. Il-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport, Ian Borg żar il-post fejn qed isir dan ix-xogħol investigattiv f’żewġ siti.
F’Ġunju li għadda, il-kuntrattur GEOTEC SPA rebaħ it-tender u bħalissa qed jieħu numru ta’ kampjuni investigattivi permezz tat-tħaffir ta’ numru ta’ boreholes f’disa’ postijiet differenti kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar.
Fuq il-post fejn għaddej dan ix-xogħol, il-Ministru Ian Borg qal li dan huwa stadju importanti ħafna għal dan il-proġett kbir. Huwa qal li x-xogħol inbeda f’Ottubru għax Transport Malta ma xtaqitx ittellef l-attività qawwija f’dawn l-inħawi li jġib miegħu l-istaġun sajfi.
Il-Ministru spjega li r-riżultati u l-analiżi tal-investigazzjonijiet sismiċi u ġeoloġiċi se jintużaw biex jiġi stabbilit mudell ġeoloġiku taż-żona li qiegħda tiġi investigata, u sostna li dan huwa pass importanti għall-proċess għax se jkun gwida essenzjali għad-disinn tal-mina proposta.