Kawża tad-dijabete sfortunatament ħafna mill-persuni jispiċċaw b’saqajhom maqtugħa.
Dan għaliex iċ-ċirkolazzjoni tad-demm ma tkunx daqstant tajba bil-konsegwenza li taffettwa anki n-nervituri.
Il-podjatra Andrew Scicluna jispjega dan.
“Jekk id-dijabete ma jkunx ikkontrollat l-iktar postijiet li ħa jaffettwa huma iċ-ċirkolazzjoni u n-nervituri. Is-sieq hija l-iktar parti ‘l bogħod tal-ġisem biex ngħidu hekk allura waħda mill-ewwel postijiet fejn din tiġi affettwata.”
Jisħaq li l-podjatra qed jagħmel xogħol preventiv biex dawk bid-dijabete ma jispiċċawx jitilfu riġel.
“Jekk inti qed timxi u rfist xi ħaġa jew grift saqajk u n-nervituri m’humiex jaħdmu, dik il-girfa jekk mhux qegħdin nieħdu ħsiebha tista’ tispiċċa f’ferita. Once li spiċċat ferita biċ-ċirkolazzjoni diġa batuta ddum ħafna iktar biex tfiq. Aħna xogħolna bħala patoloġisti mhux kemm sempliċiment wara li żviluppat il-ferita għax wara li żviluppat il-ferita tajjeb imma aħjar qabel ma tiżviluppa l-ferita aħna meta jiġi pazjent għandna anki jekk m’għandux dijabete l-ewwel darba li ħa jiġi dejjem ħa niċċekjawlu iċ-ċirkolazzjoni u n-nervituri.”
Ix-xogħol tal-podjatra f’Malta beda tletin sena ilu u bosta jassoċjawh mat-tneħħija tal-kallijiet iżda huwa ferm aktar minn hekk.
Illum il-ġurnata l-podjatri jaraw mija u ħamsin elf każ fis-sena u s-servizz huwa mifrux ferm fosthom fl-isptar San Luqa u f’Karin Grech.
Mhux hekk biss, is-servizz huwa offrut għal dawk li ma jistgħux joħorġu minn djarhom.
“Anki dawk li ma jistgħux joħorġu mid-dar hemm servizz għalihom, jiġifieri hemm iċ-ċentru tal-anzjanità attiva illi dawn intuwhom servizz minn hemm hekk.”
Intant is-servizzi tal-podjatrija fiċ-Ċentri tas-Saħħa ssokktaw b’mod normali wara ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern u l-unjin li tirrappreżentahom li finalment irtirat azzjonijiet industrijali minħabba diżgwid li kien hemm.