Kull ma jaraw għajnejh, jagħmluh idejh.
Dan huwa n-neputi tal-għannej magħruf Malti Mikiel Abela il-Bambinu – Leli Baldacchino, li sibnih jaħdem fuq il-ħġieġ tat-twieqi tal-koppla.
F’Novembru li għadda, ġietu l-idea li jaħdem fuq mudell tal-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi ddedikata lil Santa Katerina taż-Żejtun.
Filwaqt li uriena l-kuppletti, it-twieqi tal-koppla, il-bieb prinċipali, il-bibien tal-ġenb, in-niċeċ tal-faċċata, il-gastri, it-tieqa ta’ fuq il-bieb prinċipali u t-turġien tal-kampnari fost oħrajn, qalilna li x-xogħol fl-injam huwa kollu marine plywood filwaqt li l-gwarniċi huma kollha bl-injam tal-abjad.
Kollox huwa bbażat fuq il-pjanta tal-faċċata. Flimkien ma’ kuġinuh Joe Baldacchino, ħarġu l-qisien kollha to scale u beda x-xogħol.
Meta tkellem magħna dwar il-koppla, Leli stqarr li ma kellux il-kejl u l-pjanta tagħha.
Għaldaqstant, kien jerħilha lejn il-knisja biex jieħu ċertu qisien mill-koppla bħala dijametru biex wara joħorġu l-qisien imqabbla mal-faċċata ta’ fuq il-pjanta.
Qal, “Jien kemm il-darba tlajt fuqha, naħseb tlajt tletin darba, u kelli xi ħbieb tiegħi, li kienu joqogħdu jżommuli u ħadna l-qisien li Joe kien jgħidli biex nieħu.”
Leli Baldacchino jaħdem b’reqqa u b’paċenzja kbira, b’biċċiet żgħar tal-injam. Huwa qalilna li dan ix-xogħol jagħtih sodisfazzjon kbir u kull ma jagħmel, jagħmlu b’passjoni liema bħalha.