Mexjin ġmielhom ix-xogħlijiet biex tissaħħaħ l-istruttura ta’ Binja Buqana fl-Imtarfa, proġett tal-Awtorità tad-Djar li sar madwar 25 sena ilu u li rriżulta li kellu diversi ħsarat strutturali.
Ix-xogħol skatta madwar sentejn ilu, wara li inġiniera barranin ikkonkludew li l-binja kien jeħtieġilha bosta interventi strutturali.
F’din il-binja jgħixu madwar 80 familja li mingħajr l-intervent f’waqtu ta’ dan il-Gvern kienu ser jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li ladarba jintemmu x-xogħlijiet, ir-residenti jistgħu jserrħu rashom li qed jgħixu f’post sigur.
Il-Ministru Galdes sostna: “Meta sibna din is-sitwazzjoni u rajna fhiex qed jgħixu dawn il-familji f’periklu kbir għedna li jekk mhux ser nagħmlu xejn dawn it-300 persuna ħa jitilfu darhom u allura l-Gvern ħass il-ħtieġa li jintervjeni u qed nagħmlu dan il-proġett li huwa ferm bżonjuż u b’hekk bl-intervent tal-istat ser inkunu qed nagħtu ħajja mill-ġdid lil din il-binja li għandna hawnhekk.”
Ix-xogħlijiet bħalissa huma ffukati fuq diversi terrazzini, ċnut u galleriji, li mhux biss ser ikunu siguri għar-residenti nfushom, iżda se jnaqqsu l-problema kbira tal-ilma li kien jinġema’ fuq il-bjut.
Il-Ministru Galdes tenna: “Kien hawn ħsarat kbar fil-konkrit, mhux biss għamilna infurzar tal-binja kollha rajna li jiddaħħlu t-travi tal-ħadid anke fil-binja biex l-istruttura tibqa’ solida u allura dawk li għandhom l-appartamenti ma jkollhomx il-biża’ li jista’ xi darba jew ikollhom partijiet li jiġu demoliti jew inkella jkollhom ħsarat strutturali li jkunu ta’ periklu għalihom u qed nagħtu dehra ġdida lil din il-binja li għandha karaterisika arkitettonika unika għal dawn l-inħawi tal-Imtarfa.”
Fl-aħħar xhur, il-ħaddiema tal-kuntrattur wettqu bosta interventi fuq it-travi u pilasti li fuqhom kienu qed iserrħu l-ħames sulari ta’ din il-binja li nstab li kienu magħmulin minn materjal mhux adekwat.
Saru wkoll xogħlijiet fil-garaxxijiet, intervent fuq il-ħitan u soqfa li kienu qed iġorru piż żejjed u twaħħil ta’ madum ġdid madwar il-binja.
Il-Ministru Galdes qal li għalkemm din il-problema kienet intefgħet taħt it-tapit minn Gvern Nazzjonalista, dan il-Gvern iddeċieda li jieħu azzjoni konkreta fl-interess tas-saħħa u s-sigurtà tal-familji li jgħixu f’din il-binja.