Ir-residenti ta’ Ħal Qormi se jkunu jistgħu jibdew igawdu mill-ġdid Wied iċ-Ċawsli hekk kif bħalissa għaddej xogħol ta’ tindif biex dan jirritorna għall-istat naturali tiegħu.
Din il-ħidma, li qed issir minn Project Green, se tkun qed tara t-tindif u t-tisbiħ taż-żona fejn qed jitneħħa l-iskart li hemm mormi fil-wied, flimkien mat-tneħħija ta’ siġar invażivi li huma ta’ ħsara għall-ekoloġija, fost oħrajn.
ONE News tkellem mal-kordinatriċi fuq dan il-proġett, il-Valleys Project Administrator, Kirsty Vella, fejn spjegat aktar dwar x’tikkonsisti l-ħidma.
“Qed inneħħu s-siġar invażivi u qed inneħħu s-sediment li normalment jinġabar matul ix-xhur tax-xitwa. Dan normalment jikkawża bosta blockages fil-widien tagħna u b’hekk jikkawża ħafna għargħar ukoll. Minbarra hekk, bit-tneħħija tas-siġar invażivi, se nkunu qed insaħħu l-ekoloġija tal-post kif ukoll inżidu l-valur ambjentali fiż-żona.”
Spjegat aktar fid-dettall dwar l-importanza tat-tneħħija tas-siġar invażivi li jservu ta’ thedida għall-ekoloġija taż-żona.
“Dawn l-ispeċi invażivi jikkawżaw ħafna ħsara lil speċi oħrajn li normalment jikbru fil-widien, li huma tipiċi, li huma endemiċi u kif ukoll huma lokali. Dawn normalment jokkupawlek spazju, jgħattu d-dawl u jikkompetu ma’ speċi oħrajn li huma importanti għall-biodiversità. Huma importanti ħafna li dawn nimmitigawhom billi jitneħħew u jiġu mħawla oħrajn minflokhom bi speċi oħrajn li huma tipiċi, indiġeni u lokali.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, spjega dwar l-importanza ta’ proġetti bħal dawn fejn sostna kif għal kull siġra invażiva li se titneħħa, se jkunu qed jitħawlu tnejn minflokha.
“Dan hu proġett verament importanti f’Ħal Qormi fejn qed inkunu attenti ħafna għat-tip ta’ siġar li tħawlu. Fil-fatt hawnhekk se nkunu qed inħawlu żewġ tipi ta’ siġar indiġeni għal kull waħda invażiva li neħħejna biex noqogħdu attenti għall-ekoloġija ta’ dan il-post.
Spjega kif dan hu proġett wieħed minn kullana ta’ proġett li qed isiru madwar il-pajjiż.
“Bħal dan il-proġett għandna għaxra oħrajn għaddejjin, xogħlijiet fuq għaxra oħrajn għaddejjin, mal-pajjiż kollu. Minn Ħ’Attard għas-Siġġiewi, għar-Rabat anke għal Ħaż-Żebbuġ. Qed noqogħdu attenti ħafna biex mhux biss nagħmlu dawn il-proġetti, iżda dawn il-proġetti nagħtuhom anke lin-nies fejn ikunu jistgħu jagħmlu l-passiġġati tagħhom.”
Din hi parti minn ħidma kontinwa tal-Gvern, kif tkellem nhar il-Ħadd filgħaxija f’Marsaxlokk il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu.
Tali investimenti qed jaraw li mhux biss jiġi ppriservat dak li diġà għandna, imma saħansitra jiżdiedu iżjed spazji ġodda ħodor fejn wieħed ikun jista’ jqatta’ ftit ħin ta’ kwalità f’ambjent nadif u sigur.