L-Embrace Diversity Activity Centre huwa ċentru fil-Mellieħa fejn tfal li jbatu minn xi diżabilità jistgħu jmorru sabiex jieħdu pjaċir, jirrilassaw u juru l-kreattività tagħhom.
Kull ġimgħa dawn it-tfal jkollhom l-opportunità jaħdmu fuq temi differenti u jsaħħu l-ħiliet għall-ħajja ta’ kuljum.
Andy Buhagiar, l-Manager Ġenerali ta’ din l-organizzazzjoni, qaltilna li riċentament, it-tema kienet fuq il-larinġ, minħabba l-fatt li bħalissa hawn ħafna larinġ, fejn it-tfal ħolqu affarjiet mill-qoxra tal-larinġa.
Andy kelmitna wkoll fuq xi attivitajiet oħrajn li jagħmlu t-tfal meta jżuru dan iċ-ċentru.
“Huma jagħmlu ħafna affarjiet. Ftit minnhom huma li jsajru u jagħmlu l-krafts u jagħmlu xi xogħolijiet fil-ġnien. Jagħmlu ħafna attivitajiet fiżiċi, jdoqqu xi instrumenti kif ukoll naħdmu fuq il-fine motor skills tagħhom. Iżda l-għan ta’ dan iċ-ċentru huwa li t-tfal jieħdu gost u jagħmlu l-ħbieb. Huma jkunu jistgħu wkoll jorqdu hawnhekk jekk ikunu jixtiequ, ħalli jitgħallmu jkunu naqra iżjed indipendenti.”
Ħafna mill-attivitajiet jimbuttaw lit-tfal jagħtu daqqa t’id lill-ġenituri tagħhom.
Ma’ ONE NEWS, Sabrina Vassallo, persuna li tagħti gwida lil dawn it-tfal fi ħdan dan iċ-ċentru, spjegat kif l-għaqda Embrace toffri terapija differenti minn ħaddieħor.
“Dik kienet waħda mill-ikbar għanijiet tagħna li t-tfal ma jassoċjawx dan il-post ma’ terapija għaliex ħafna minnhom diġà jmorru ħafna iktar terapiji u għalhekk ma ridnix li jekk ommijiethom jgħidulhom li se jmorru l-Embrace jgħidulhom li ma għandhomx aptit iżjed terapiji oħrajn illum, iżda minflok jiġu u jieħdu gost”
Sabrina Vassallo żiedet tgħidilna wkoll li minħabba li huma għaqda mhux governattiva ħafna drabi jkollhom bżonn xi donazzjonijiet tan-nies sabiex huma jkunu jistgħu jibqgħu joperaw bl-aħjar mod u jkomplu jagħtu wens lit-tfal.
“Ħloqna attività online sabiex minnha niġbru l-fondi. Bażikament fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook Embrace Diversity Organisation, hemm link u kemm tagħfas fuqha u min ikun irid jagħti xi donazzjoni ikun jista’ jagħmel użu minn dan is-sit”.