Minbarra l-bini tal-istrutturi għas-seba’ flyovers u dak kollu li se jkun jidher fuq wiċċ it-toroq li hemm fiż-żona tal-Marsa, hemm aktar minn ħmistax-il kilometru ta’ servizzi ġodda taħt l-art.
Fost is-servizzi hemm tat-tele-komunikazzjoni u tad-dawl fejn ix-xogħol sar bil-għaqal u bi ħsieb fit-tul.
“Qed naraw hawn hekk kważi tul ta’ ftit aktar minn tliet kilometri ta’ cables, ġejjin propju min-naħa l-oħra, hawn hekk taħt l-art fejn qed isir il-proġett ewlieni tal-Marsa junction u ovvjament dawn il-cables jistgħu anki jiffaċilitaw ix-xogħol aħjar tat-tekniċi u l-inġiniera jekk ikun hemm anki l-bżonn żieda ta’ servizzi jew anki ħsarat li jistgħu anki jinqalgħu minn ħin għall-ieħor.”
L-Inġinier Schembri li qed jagħmel superviżjoni ta’ din it-tielet fażi tal-proġett tal-junction tal-Marsa spjegalna kif saru lqugħ importanti biex it-toroq u l-flyovers ma jegħrqux waqt xi maltempata u ġew mgħoddija katusi oħra biex ma jintilifx l-ilma tajjeb għax-xorb.
“Ħa nkunu nagħmlu xi żewġ kilometri ta’ pajpijiet tal-ilma kif ukoll cables tal-internet, tat-tele-komunikazzjoni. Il-Marsa huwa post fejn jiltaqa’ kważi kollox. Ser inkunu għamilna xi erba’ kilometri minnhom dawn u wkoll l-ilma tax-xita. Kif għedt inti l-Marsa huwa post fejn jiltaqa’ l-ilma tax-xita, allura ħsibna għal dan wkoll. Xi erba’ kilometri ħa nkunu għamilna minn dawn il-katusi tal-ilma tax-xita.”
Aspett ieħor importanti huwa s-sistema ġdida mgħoddija tad-drenaġġ.
Intant ix-xogħol fuq l-art kompla miexi ġmielu.
L-inġinier Schembri spjegalna kif taħt il-pilastri li se jkunu jifilħu travi miġjuba mit-Turkija ssir ħofra li fiha titpoġġa gaġġa tal-ħadid mimlija bil-konkos.
B’hekk il-pilastru jissaħħaħ biex ikun jiflaħ il-flyovers li huma l-qalba ta’ dan il-proġett massiċċ.
It-travi tal-konkos qed jiġu manifatturati f’wieħed minn tliet impjanti temporanji li ntramaw fis-sit fejn kienet il-Malta Shipbuilding u l-Freedom Press, ftit metri bogħod mis-sit tal-proġett.
Dawn it-tliet impjanti se jipproduċu l-parti l-kbira t’aktar minn tliet mitt travu li hemm bżonn għall-flyovers.
Bis-saħħa ta’ dawn l-impjanti qed jiġu ffrankati milli jsiru aktar minn erba’ t’elef u ħames mitt vjaġġ fit-toroq tal-inħawi tal-proġett bi trakkijiet biex jinġarr dan il-materjal.
B’hekk se jiġu ffrankati tnejn u għoxrin tunnellata tniġġis ta’ diossidju tal-karbonju fl-arja għal-lokalitajiet tal-madwar.