Miexi ġmielu x-xogħol fuq il-proġett ta’ residenza għall-persuni b’diżabbiltà fejn ikunu jistgħu jingħataw servizzi professjonali b’investiment ta’ wieħed punt erba’ miljun ewro.
Dawn is-servizzi se jkunu offruti f’binja ġdida f’Ħal Kirkop fejn, kif spjega l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna, se jiġi offrut servizz ta’ respite, skont il-pjan nazzjonali tal-inklużjoni soċjali, iżda mhux biss.
“Servizz tranżitorju fejn persuna b’diżabbiltà ħa jkollha ċ-ċans titgħallem biex issir iżjed indipendenti u eventwalment tmur tgħix fil-komunità fejn hi mdorrija tgħix. Dan hu proġett li se jinħadem ukoll l-operat tiegħu ma’ għadqa mhux governattiva flimkien mal-aġenzija Sapport.”
Il-Ministru responsabbli mill-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, spjegat iż-żewġ miri li mistennija jintlaħqu permezz ta’ dan il-proġett.
“Dan il-proġett jiffoka fuq iż-żewġ miri importanti li, bħala pajjiż vera għandna bżonnhom, l-għajxien indipendenti ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll servizz ta’ respite li tant għandhom bżonn. Dan il-proġett f’Ħal Kirkop jilħaq dawn iż-żewġ għanijiet u l-ħsieb tal-Gvern hu li l-aġenzija Sapport tkun tista’ tiftaħ ukoll uffiċjalment dan il-proġett fit-tieni kwart tas-sena d-dieħla.”