It-Torri tal-Arloġġ fl-Imtarfa, mibni fl-1895 mill-forzi Brittanċi qed jerġa’ jingħata lura s-sbuħija oriġinali tiegħu b’xogħol ta’ restawr li għaddej bħalissa fuqu.
Dan it-torri huwa monument promineti fil-lokalità tal-Imtarfa u wara dan iż-żmien kollu għadu jaħdem perfettament però kellu bżonn xogħol ta’ restawr.
Dan il-proġett qiegħed isir b’investiment ta’ iktar minn miljun ewro b’ko-finanzjament ta’ Fondi Ewropej, li minnhom madwar sitt mitt elf ewro ġejjin mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Matul is-sena li għaddiet tlesta r-restawr tal-faċċata, tal-binja minn ġewwa, tal-aperturi u l-ħadid u saret ukoll installazzjoni ġdida ta’ dawl kemm fuq ġewwa u fuq barra. Tlesta wkoll it-twaqqigħ tal-binja li kienet fis-sit u flokha nbniet il-binja ġdida li ser isservi ta’ Ċentru għall-Viżitaturi.
Is-Sindku tal-Imtarfa Kyle Mifsud qal li dan il-proġett se jkollu impatt favur l-aspett soċjali, ekonomiku u ambjentali kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak internazzjonali.
Qal, “F’dan il-proġett rajna li dan l-arloġġ ikun jista’ jkompli jaħdem u jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri kif ukoll rajna li noħolqu binja interattiva biex viżitaturi li jiġu ġol-Imtarfa, ikollhom post ieħor sabiex inkunu nistgħu nitgħallmu aktar dwar il-wirt storiku li għandna fil-lokalità tagħna. ”
Il-Ministru Silvio Schembri qal li dan il-proġett, li huwa parti mill-istorja arkitettonika ta’ pajjiżna u ġawhra b’mod speċjali għan-nies tal-lokal, huwa eżempju ċar dwar kif il-fondi Ewropej qed jiġu użati biex jgħollu l-livell storiku u turistiku tal-lokalitajiet.
Stqarr, “Anke l-lokal tal-Imtarfa jista’ jkun jibbenefika mhux biss minn fondi Ewropej imma imbagħad l-effetti li jħallu dawn il-proġetti. Proġetti li jkomplu jagħmlu dan ir-raħal daqsekk sabiħ u jżommuh pittoresk kif fil-fatt hu.”
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li bl-għajnuna tal-Fondi Ewropej dan il-proġett se joffri wkoll opportunità lill-artisti lokali u barranin biex joħolqu ideat u proġetti li jistgħu jiġu esebiti fiċ-Ċentru għall-Viżitaturi.
Stqarr, “Kommessi bil-fondi l-ġodda se nkomplu nżidu l-investiment biex inkomlu nsebħu dik li hija Malta tagħna. ”