Biex tkompli ssaħħaħ l-enfasi fuq produzzjoni ta’ kwalità għolja, issa anke fuq prodotti tal-kannabis mediċinali, l-Awtorità tal-Mediċini qed taħdem biex tinfetaħ akkademja tax-xjenzi regolatorji.
Akkademja li għandha titwaqqaf ma’ għadd ta’ entitajiet, u x-xogħol tagħha jkun li tiżgura l-aqwa taħriġ u prattiċi għall-professjonisti Maltin f’dan il-qasam.
Sostna dan iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Mediniċi, il-Professur Anthony Serracino Inglott f’konferenza fil-Malta Life Sciences Park għal professjonisti Maltin u Internazzjonali fil-qasam tax-xjenzi regolatorji.
Il-Professur Serracino Inglott sostna li fl-aħħar snin Malta wettqet xogħol siewi ħafna dwar il-kwalità tal-prodotti mediċinali, u trid issaħħaħ din il-ħidma għal prodotti tal-kannabis mediċinali li se jkunu prodotti f’pajjiżna. Dan hekk kif għadd ta’ prodotti fis-suq huma meqjusa mhux ta’ kwalità għolja biżżejjed.
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista laqa’ l-għadd ta’ professjonisti barranin li attendew għal din il-konferenza ta’ jumejn.
Huwa nnota l-enfasi internazzjonali li qed issir biex il-ħidma medika tpoġġi lill-pazjent iktar fiċ-ċentru tagħha – xi ħaġa li l-Awtorità tal-Mediċini żżomm bħala prijorità fix-xogħol tagħha ta’ taħriġ, spezzjonar, u regolamentazzjoni. Dan bl-ogħla livell possibbli ta’ mediċini, f’dan il-każ fil-qasam tal-kannabis mediċinali – biex ikunu indirizzati d-dubji ta’ dawk xettiċi minn din il-mediċina, u hiex il-ħajja tal-pazjenti tittejjeb b’mediċini effettivi u ta’ kwalità għolja.