- L-2016 reġgħet kienet sena fejn il-wirt storiku ngħata prijorità
Kien hemm 39 sit storiku li s-sena li għaddiet kien għaddej restawr fuqhom u filwaqt li f’numru tajjeb minnhom ir-restawr tlesta, f’każi oħra x-xogħol għadu għaddej. Huma ċerti proġetti kbar u ta’ importanza nazzjonali fejn ix-xogħol ma tlestiex f’sena waħda filwaqt li f’każi fejn il-proġett jew il-post jew ix-xogħol hu iżgħar, ix-xogħol inbeda u tlesta s-sena li għaddiet stess. Dan it-tagħrif tah il-Ministru Owen Bonnici meta fil-Parlament kien qed iwieġeb domanda parlamentari tad-deputat Etienne Grech. Il-Ministru Bonnici spjega li ntefqet is-somma totali ta’ €5,628,843.41 f’restawr ta’ postijiet storiċi.
Minn dawn kien hemm €1,801,299.38 bħala fondi Ewropej u €2,945,683.03 ntefqu mill-Fondi Nazzjonali. Naturalment dan hu investiment li se jkun qed jiżdied b’mod sostanzjali ħafna meta jibdew jitlestew ix-xogħlijiet u jsiru ħlasijiet fuq proġetti kbar li għadhom għaddejjin bħal ta’ MUŻA fost oħrajn, fejn il-Berġa tal-Italja se tinbidel fil-mużew nazzjonali tal-arti.
Fost l-iktar proġetti importanti u li spikkaw hemm ukoll dak fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni fejn sar xogħol ta’ konservazzjoni u restawr li jinkludi xogħol ta’ tibdil tas-saqaf, xogħlijiet ta’ dawl u xogħol mekkaniku, restawr fuq il-faċċatta ta’ barra u t-tħaddim ta’ teknoloġija moderna bil-għan li l-klima fil-post tinżamm aħjar u jkun preservat aħjar dan il-wirt li jmur lura bosta snin. Hemm ukoll ix-xogħol li qed isir fuq is-sit tal-Café Premiere fejn qed jinbidel b’mod totali biex jitgawda mill-pubbliku, issa li se jintuża mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u se jagħti aċċess aħjar għall-Bibljoteka Nazzjonali. Għaddej ukoll xogħol fuq il-faċċata ta’ Palazzo Ferreira, fil-Belt Valletta, u l-faċċatta tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fost ħafna proġetti oħra fil-Belt Valletta. Spikkaw ukoll in-numru ta’ proġetti madwar il-pajjiż fuq niċeċ u kappelli li jżommu ħajjin postijiet storiċi u bi tradizzjoni fil-qalba tal-irħula.