Raġel li nstab ħati li fl-2011 ikkawża l-mewta ta’ persuna f’inċident stradali f’Ħ’Attard kien ikkundannat iħallas multa ta’ €5,000 u jagħmel 480 siegħa xogħol fil-komunità. Dan hu l-massimu li toffri l-liġi f’dawk li huma sigħat f’xogħol fil-komunitaá. L-akkużat ġie mitlub iħallas ukoll l-esperti tal-Qorti.
Fis-sentenza tagħha l-qorti nnottat nuqqasijiet mill-prosekuzzjoni, fosthom il-fatt li l-akkużi nbidlu fi tliet okkażjonijiet. Dan wassal biex il-qorti kellha idejha marbuta fuq diversi fatturi bil-Maġistrat Joe Mifsud jiddikjara fis-sentenza tiegħu li l-Qorti għandha idejha “marbuta li jekk tinstab ħtija fuq l-imputazzjoni ewlenija ma tistax timponi sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan kif qiegħda titlob il-prosekuzzjoni.”
Dan l-inċident kien seħħ f’Triq l-Imdina, Ħ’Attard nhar il-15 ta’ Ottubru, 2011 għall-ħabta tat-3.30 ta’ filgħodu. F’dan l-inċident tilef ħajtu Michael Sciberras wara ħabta bejn vettura misjuqa minn ċertu Clive Tanti u mutur misjuq minn Sciberras.
Mill-ezamijiet u kalkoli xjentifici jirriżulta li Clive Tanti kien qed isuq il-vettura tiegħu b’veloċitá ta’ 154 kilometru fis-siegħa filwaqt li l-vittma Michael Sciberras kien qiegħed isuq fil-kareġġjata tiegħu b’veloċitá ta’ 126 kilometru fis-siegħa. B’hekk it-tnejn kienu qed jeċċedu l-limitu ta’ 80 kilometru fis-siegħa, iżda l-akkużat kien qed isuq fuq il-kareġġjata l-ħażina.
Il-Qorti nnotat kif il-fatt li l-vittma kien qiegħed isuq b’velocitá ta’ aktar minn dik permessa fit-triq li seħħ l-incident jista’ jkun li kkontribwit għall-qawwa tal-impatt, iżda din in-negliġenza kontributorja ttieħdet biss f’kunsiderazzjoni, meta kkundisrat il-piena u mhux il-ħtija.
F’sentenza ta’ 53 paġna l-Qorti nnotat kif l-akkużat għandu kondotta nadifa u huwa ta’ karattru tajjeb. Dan wassal biex il-Qorti ddikjarat:
“Irid jintbagħat messaġġ f’każijiet bħal dak in eżami hu li l-ħajja
mhijiex irħisa u li t-teħid ta’ ħajja anke involontarjament għandu
jitqies bħala xi ħaġa serja u gravi. Il-Qorti hija tal-fehma li għandha
tikkunsidra piena alternattiva għal dik ta’ prigunerija effettiva kif
baqgħet issostni l-avukat tal-parte civile li għandha tingħata.”
Kien dan li wassal biex il-Maġistrat qal li xogħol fil-komunitá jkun iktar
xieraq minn ħabs.