Raġel li kkawża l-mewt ta’ sieħbu u l-kollega tiegħu aċċidentalment madwar sentejn ilu ġie ordnat mill-Qorti biex jagħmel 450 seigħa xogħol fil-komunità wara li l-Maġistrat semgħet kif il-familja tal-vittma ma riditx tieħu passi ġudizzjarji, u kif ukoll l-vittma kien qed jaqsam it-triq f’żona li ma kienx biżżejjed dawl u ftit ‘il bogħod minn zebra crossing.
Vladimirs Puzanovs, Latvjan ta’ 27 sena, kien qed isuq meta lura fis-16 ta’ Diċembru tal-2016, wara avveniment tax-xogħol ta’ żmien il-Milied f’Baħar iċ-Ċagħaq, tajjar lil sieħbu ta’ nazzjonalità Olandiża, Luc Clous ta’ 20 sena li kien qed jaqsam it-triq f’St Andrew’s f’San Ġiljan.
Clous kien qed jirritorna mill-istess avveniment ma’ grupp differenti ta’ ħbieb meta kien mitlub joħroġ mill-karozza li kien fiha wara li nqala’ argument jaħraq. Iż-żagħżugħ, li kellu l-livell tal-alkoħol għoli ħafna, qasam it-triq b’mod irresponsabbli fejn intalaq mill-vettura. Hu tilef ħajtu fuq il-post.
L-akkużat wieġeb ħati fejn spjega lill-Qorti kif hu konxju dwar dak li ġara u kif dak il-ħin ma ndunax li tajjar lil xi ħadd. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qieset kollox, b’mod partikolari kif l-ġenituri tal-vittma ma ridux li joħduha kontra l-akkużat, iżda qalet kif xorta waħda kien hemm ħajja li ntilfet u għalekk ordnat 450 siegħa xogħol fil-komunità bil-liċenzja tas-sewqan tiġi sospiża għal sentejn. Hu ġie ordnat ukoll biex iħallas l-ispiża tal-esperti tal-Qorti.