Pensjonant Għawdxi ġie ordnat jagħmel 100 siegħa ta’ xogħol fil-komunità, u jħallas €4000 f’danni lil koppja anzjana. Dan wara li Victor Camilleri instab ħati ta’ frodi bi flus fdati lilu biex jinvestihom f’isem il-koppja msemmija.
Camilleri, ta’ 62 mir-Rabat Għawdex, kien akkużat bi frodi, miżapproprijazzjoni, dikjarazzjonijiet foloz lil awtorità pubblika, u falsifikazzjoni ta’ diversi dokumenti.
Fil-Qorti t’Għawdex, instema’ kif Camilleri diġà beda jħallas lura parti mis-sebat elef u erba’ mitt sterlina Ingliża li l-koppja rrappurtat li ġew miżapproprijati.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Maġistrat Joe Mifsud tenna li l-interessi komuni jkun aktar moqdi bl-akkużat jitħalla jħallas lura s-somma, milli jekk jintbgħat il-ħabs.
Għaldaqstant Victor Camilleri tpoġġa taħt ordni ta’ servizz fil-komunità, 100 siegħa ta’ xogħol mandatorju. Il-Qorti imponiet ukoll perjodu ta’ tmintax-il xahar li matulhom il-pensjonant Għawdxi irid jħallas lura s-somma pendenti.