Leonardo Da Vinci, Michelangelo Buonarotti u Raffaello, l-artisti tar-Rinaxximent, issa xogħolhom f’Malta.
MUŻA ser tkun qed tesebixxi tlettax-il kapolavur bl-isem ta’ Masterpieces at MUŻA. Ix-xogħolijiet huma ta’ artisti ta’ fama internazzjonali fosthom it-tliet artisti msemmija.
Il-pitturi, li jmorru lura bejn it-tmien tas-seklu ħmistax u nofs is-seklu tmintax huma parti minn kollezzjoni privata internazzjonali u nġiebu biex jitgawdew mill-pubbliku f’wirja sal-aħħar t’Ottubru.
Il-biċċiet tal-arti se jibqgħu f’idejn Heritage Malta għal ħames snin li ġejjin, fejn ser tkun qed tiġi nkorportata bħala parti mill-esebizzjoni permanenti ta’ MUŻA.
L-esebizzjoni hija maqsuma f’ħames sezzjonijiet kollha bl-intenzjoni li joffru esperjenza sabiħa tal-perjodu li fisser twelid mill-ġdid għall-Ewropa, partikolarment l-Italja.
Barra minn hekk wieħed jista’ jgħarraf ruħu permezz tal-mobile tiegħu fejn ikun gwidat u mgħarraf fuq dak li jkun qed jara fil-wirja.
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar saħaq li t-teknoloġija użata biex tapprezza aktar xogħlijiet l-artisti tar-Rinaxximent hija importanti biex in-nies jifhmu aħjar xogħol l-artist ta’ fama dinjija.
Qal, “L-arti mhijiex biss l-apprezzament tas-sabiħ imma hija ukoll l-għarfien. Dawk huma l-kunċetti l-ġodda li rridu nħarsu lejhom biex in-nies iħossuhom partI minn dak kollu li jkunu qegħdin jaraw.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit tkellem dwar ir-rarità ta’ din il-kollezzjoni li tista’ titgawda mill-pubbliku.
Spjega, “Esperjenza ta’ arti li mhux faċli ssib bħala mad-dinja. Għalhekk hija opportunità unika għal pubbliku tagħna biex jiġi u jgawdi dawn il-kapolavuri.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti José Herrera esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-inizjattiva ta’ Heritage Malta li anki kapaċi tattira t-turisti.