Is-sena 2019 kienet sena oħra ta’ ħidma bla heda fl-infrastruttura ta’ pajjiżna. B’kollox din is-sena l-aġenzija Infrastruttura Malta investiet €64 miljun fi proġetti ta’ toroq arterjali u bdiet twettaq l-investiment ta’ seba’ mitt miljun ewro fuq perjodu ta’ 7 snin sabiex jinbnew mill-ġdid it-toroq residenzjali kollha.
Fost il-proġetti l-kbar li saru tul din is-sena kien hemm il-ftuħ tal-ewwel tliet flyovers, tal-akbar proġett infrastrutturali li qatt sar f’pajjiżna, jiġifieri dak tal-Marsa Junction bil-proġett mistenni jitlesta tul is-sena l-ġdida.
Tul l-2019 ix-xogħol fuq dan il-proġett masiċċ, li ta’ kuljum se jkun qed itejjeb il-ħajja għal madwar mitt elf persuna ħa spinta kbira, sabiex sal-aħħar tneħħew darba għal dejjem it-traffic lights tal-Marsa.
Tul din is-sena tlestew ukoll ix-xogħlijiet fi Triq Buqana. Din l-arterja prinċipali twessgħet b’korsija oħra sabiex il-persuni li jkunu qed jivjaġġaw lejn it-tramuntana tal-pajjiż ikunu jistgħu jagħmlu dan bl-aktar mod effiċjenti u sigur.
Triq oħra li nbniet mill-ġdid u kienet ilha għexieren ta’ snin abbandunata hija dik magħrufa bħala Taċ-Ċawsli. Din it-triq li minn Ħaż-Żabbar twasslek lejn iż-Żejtun, inqalgħet mill-qiegħ sabiex issa qed tinkludi wkoll passaġġ segregat għall-mixi u korsija għaċ-ċiklisti.
Din is-sena Infrastruttura Malta ħadmet ukoll sabiex inbena mill-ġdid il-pont ta’ Triq Reġjonali u issa din l-arterja prinċipali twessgħet b’żewġ korsiji oħra sabiex il-moviment tat-traffiku minn din iż-żona li tgħaqqad in-nofsinhar mat-tramuntana tal-pajjiż ġie ffaċilitat.
It-triq magħrufa bħala tal-Balal inbniet mill-ġdid sabiex setgħet issa twessgħet b’żewġ korsiji u għall-ewwel darba nbniet ukoll bankina.
Sar ukoll xogħol kbir fi Triq Ħal-Luqa sabiex issa din it-triq li mill-ajruport twasslet lejn Ħal-Qormi ġiet wiesa erba’ korsiji, tnejn fuq kull direzzjoni tat-traffiku.
Is-sigurtá fit-toroq għaċ-ċiklisti u nies li jimxu ukoll kienet ta’ priorità għal Infrastruttura Malta. Filfatt tul din is-sena bdew jinbnew żewġ pontijiet pedonali wieħed fil-Blata l-Bajda u l-ieħor fi Vjal l-Avjazzjoni.
Apparti x-xogħlijiet fuq toroq arterjali u ħoloq ewlenin tat-traffiku saru wkoll diversi xgħlijiet fuq mija u tlettax-il triq residnezjali madwar il-gżejjer Maltin, għexieren ta’ toroq rurali u numru kbir ta’ toroq f’Buġibba u San Pawl il-Baħar li kienu tħallew abbandunati għal għexieren ta’ snin.
L-infrastruttura marittima wkoll kienet fil-mira tal-aġenzija Infrastruttura Malta fejn tul din is-sena beda l-bini tal-breakwater f’Marsaxlokk, titjib fil-Menqa u port tal-Imġarr u inbnew mill-ġdid għaxar skali tas-sajjieda f’Marsaxlokk.
Tul l-elfejn u dsatax tlesta wkoll ix-xogħol fi ġnien l-Għarusa tal-Mosta sabiex dan il-ġnien issa seta’ jerġa’ jibda jservi bħala post sigur għar-rekreazzjoni. Dan ma kienx l-unika proġett ambjentali tal-aġenzija reponsabbli mit-titjib tal-infrastuttura tal-pajjiż, filfatt din is-sena tħawwlu wkoll aktar minn elf u mitt siġra indiġena fil-forti Rinella fil-Kalkara. Dawn is-siġar jagħmlu parti minn proġett aktar wiesa ta’ din l-aġenzija fejn matul l-elfejn u dsatax se tkun żergħet sitt t’elef u seba’ mitt siġra indiġina f’diversi lokalitajiet madwar Malta.