Matul il-ġranet li ġejjin, il-kuntrattur tal-proġett tal-Kappara ser ineħħi s-central strip fi Triq Mikiel Anton Vassalli, bix-xogħol jibda llejla wara t-8.30. Matul illejl, l-aċċess għat-traffiku ser ikun limitat fiż-żewġ direzzjonijiet filwaqt li matul il-ġurnata karreġġjata waħda direzzjoni lejn L-Imsida ser tkun magħluqa għat-traffiku f’xi ħinijiet.
Biex jitnaqqas l-inkonvenjent u t-triq ma tingħalaqx f’daqqa, ix-xogħol ser isir f’partijiet. Fl-istess ħin ser jitressqu l-arbli tad-dawl kif meħtieġ għal dan il-pjan b’hekk jiġi evitat li jerġgħu jsiru arranġamenti tat-traffiku biex jitneħħew dawn l-arbli darb’oħra.
Transport Malta fakkret li Triq Mikiel Anton Vassalli hija sit tal-kostruzzjoni u ħeġġet lis-sewwieqa jżommu mal-limitu ta’ veloċità ta’ 30km fis-siegħa, isegwu t-tabelli temporanji u jirrispettaw il-ħaddiema fuq is-sit.