MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, nieda l-ewwel wirja fis-sensiela ‘MUŻA ħdejk’ – sensiela mmirata lejn aktar għarfien u aċċessibbiltà, li permezz tagħha xogħlijiet mill-kollezzjoni nazzjonali tal-arti se jinsilfu temporanjament lil lokalitajiet differenti li għandhom rabtiet ma’ avvenimenti, temi jew artisti li huma rappreżentati f’din il-kollezzjoni.
Il-wirja kurrenti, iddedikata lil Francesco Zahra, qed issir fl-Oratorju tas-Santissimu Kurċifiss fl-Isla u tibqa’ għaddejja sat-22 ta’ Mejju.
Francesco Zahra twieled f’Diċembru tal-1710 fl-Isla u huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa artisti Maltin tas-seklu 18. Xogħlijiet tal-artist mill-kollezzjoni nazzjonali nħarġu mill-mużew sabiex ikunu jistgħu jiġu ċċelebrati temporanjament fl-Isla t-talenti u suċċessi tal-pittur barokk.
Minbarra l-pitturi tal-wirja se jkun hemm ukoll pittura ta’ Gian Nicola Buhagiar, li kien l-għalliem ta’ Francesco Zahra; muniti ta’ żmien l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta; pittura ta’ Antoine Favray, ammiratur u, għal xi żmien, kollaboratur ta’ Zahra; iċ-ċertifikat tal-magħmudija tal-artist; pittura ta’ Zahra li normalment tkun esebita fil-Kurja tal-Arċisqof; dokumenti dwar il-kummissjoni tal-iskulturi u l-pitturi tal-Oratorju; u awtoritratt ta’ Francesco Zahra li juri lill-artist meta kellu madwar 45 sena u kien fl-aqwa tal-karriera artistika tiegħu.
Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar spjega kif MUŻA inħalaq biex iqarreb l-arti lejn il-poplu Malti u għalhekk qed issir din l-eżebizzjoni li toffri informazzjoni fuq l-ħajja tas-seklu 18.
“Niċċelebraw permezz tal-‘MUŻA ħdejk’, nidħlu fil-kuntest biex nispjegaw aħjar kif il-kollezzjoni nazzjonali titħallat mal-bqija tal-Patrimonju biex nagħrfu aħjar dak li għandna biex jkollna identità u nagħrfu wkoll l-identità tagħna.”
L-Arċipriet tal-Isla, il-Kanonku Robin Camilleri, stqarr kemm hija diffiċli li ssib knisja parrokkjali mingħajr opri ta’ Zahra jew ta’ missieru Pietro Paolo, speċjalment minħabba l-fatt li jikkumplimentaw lil xulxin.
“Infatti, bħalissa, għaddejjin bir-restawr ta’ kull xogħol li għamel Francesco Zahra, u għalhekk bħala komunità kburin li din l-esebizzjoni qed issir hawnhekk u qed issir ukoll flimkien mal-Heritage Malta u mal-MUŻA” .