B’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro se jsir xogħol ta’ manutenzjoni fil-Park tal-Familja f’Wied-il Għajn, biex ikompli jitgawda mill-familji Maltin li jżuruh ta’ kull ġimgħa.
Dawn ix-xogħlijiet li se jsiru minn Parks Malta, jinkludu tisbiħ fil-grawnd tal-futbol u l-bankijiet, restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, manutenzjoni taż-żoni fejn jilgħabu t-tfal u r-rilokazzjoni u t-tkabbir tal-park tal-klieb.
Id-Direttur ta’ Parks Malta Adrian Attard spjega li x-xogħlijiet se jinqasmu f’fażijiet ħalli l-familji xorta jkunu jistgħu mmorru jqattgħu ħin ta’ mistrieħ f’dan il-park.
Qal kif, “Iż-żona eżistenti tad-dog park se tkun qed tiġi trasfurmata f’picninc area, fejn se tkun installata għamara kbira u ta’ ċertu kwalità sabiex tiġi utuilizzata minn tfal tal-iskola għal sessjonijiet ta’ tgħalim waqt li jiġu jżuru dan il-park.”
Il-Ministru responsabbli minn Parks Malta, Miriam Dalli, tenniet l-impenn tal-Gvern biex jibqa’ jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi postijiet ħodor u ta’ rikreazzjoni.
Spjegat, “F’dawn l-aħħar xhur għaddejjin b’ħidma ta’ manutenzzjoni tal-ispazji miftuħa li għandna għall-familji Maltin u Għawdxin u biex noħolqu spazji miftuħa ġodda. Il-ħsieb tagħna huwa li naraw kemm jista’ jkun noffru spazji miftuħa lill-familji sew f’Malta u anke f’Għawdex.”