L-Awtorità tal-Ippjanar iffirmat ftehim mal-kunsill lokali ta’ Ħal Qormi biex tiffinanzja xogħlijiet ta’ tisbiħ fi Triq San Pietru u Triq San Pawl, Ħal Qormi.
Ix-xogħlijiet, li se jiswew lill-kunsill lokali madwar €115,000 u ser jiġu ffinanzjati mill-Urban Improvement Fund (UIF) tal-Awtorita’, se jinkludi l-pavimentar ta’ żewġ toroq u pjazzetta fil-qalba tar-raħal ta’ Ħal Qormi.
Is-Sindku ta’ Ħal Qormi, Rosianne Cutajar, qalet li “l-fond għat-tisbiħ urban joffri l-appoġġ finanzjarju meħtieġ sabiex inkomplu nkunu aktar proattivi u nwettqu proġetti mmirati biex intejbu l-ambjent ġenerali tar-raħal tagħna.”
Matul l-aħħar sena, l-Awtorità ffirmat ftehim ma’ għaxar kunsilli lokali differenti għal 12-il proġett li huma stmati li jiswew aktar minn €700,000.
Uħud mill-proġetti jinkludu:
- L-arranġament mill-ġdid taż-żona ta’ rikreazzjoni u modifika ta’ funtana eżistenti fil-Ġnien il-Kunsill Ewropew fil-Gżira
- Il-bini ta’ latrini pubbliċi fiż-żona ta’ rikreazzjoni Nalizperla fis-Siġġiewi
- Titjib ta’ pavimentar u xogħlijiet ta’ tisbiħ fiI-bajja tax-Xlendi fil-Munxar
- L-installazzjoni ta’ dawl ġdid fil-partijiet tal-Imsida, il-Mellieħa, l-Pieta’ u Marsaskala.
L-Awtorità bħalissa qed tirrevedi l-proċeduri ta’ finanzjament lokali tagħha bil-għan li tissimplifika l-implimentazzjoni sabiex il-komunità lokali tista’ tibbenefika minn firxa usa’ ta’ proġetti sostenibbli.