Il-Gvern qed jimmira li sa tmiem din is-sena jkun wettaq xogħlijiet ta’ tindif u tisbieħ f’terz tal-widien li jinsabu f’Malta.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-ambjent, Żvilupp Sostennibbli u t-Tibdil fil-Klima Jose Herrera li spjega kif matul is-sajf li għadda twaqqaf Kumitat sabiex isiru x-xogħlijiet neċessarji fosthom tindif kif ukoll rijabilitazzjoni f’numru ta’ widien.
Sabiex dan ikun possibbli, l-Kumitat għamel eżerċizzju mal-Kunsilli Lokali sabiex jiġu identifikati dawk il-widien li sfaw fil-mira ta’ rimi ta’ skart illegali. Frott dan l-eżerċizzju, ġew identifikati 37 widien fejn sa issa twettqu x-xogħolijiet fuq tmienja; dawn jinkludu Wied Inċita, Marsa Ditch, Wied iċ-Ċawsli Wied il-Kbir u Wied is-Sewda.
Il-Ministru Herrera spjega li x-xogħolijiet li saru f’dawn it-tmien widien tkompri mhedda ta’ 5 kilometri u fl-istess waqt tneħħa total ta’ 842 metru kubu ta’ materjal kif ukoll madwar 20 tunnellata ta’ skart.