It-torri ikoniku tal-Belvedere; il-monument li jilqa’ lil kull min jirfes l-art f’Ħal Lija, se jiġi rrestawrat, wara li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat li jsiru x-xogħlijiet.
Partijiet tal-Belvedere għandhom bżonn restawr intensiv b’mod partikolari l-kolonni u l-ġebel tan-naħa ta’ fuq tat-torri.
It-torri tal-Belvedere ġie ddisinjat u nbena mill-Perit Giuseppe Bonavia fl-1857, u għal snin twal kien simbolu ta’ poter u ġid.
Fi stqarrija tal-Awtorità tal-Ippjanar ingħad li l-proġett ta’ restawr – li se jsir mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija, se jassigura li t-Torri jkun protett biex jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.