Fil-ġranet li għaddew beda xogħol ta’ restawr fuq iż-żewġ pontijiet li hemm fil-Foss tal-Belt Valletta bħala parti mill-porġett ta’tisbiħ fil-foss u fil-pjazza ta’ madwar il-funtana tat-Tritoni. Dan ix-xogħol ta’ restawr tħabbar mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, permezz tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.
Fi stqarrija l-Ministeru spjega li fil-ħin li ġej se titpoġġa struttura tal-ħadid matul il-pont bħala miżura temporanja biex jiġi evitat kull periklu għall-pubbliku, biex il-kuntrattur ikun jista’ jarma l-iscaffolding fuq in-naħa ta’ fuq tal-pont u jibda bir-restawr tal-pont.Fi stqarrija l-Ministeru spjega li dawn l-istrutturi huma temporanji u li se jitneħħew ladarba l-proġett ta’ restawr tal-pontijiet u l-ġnien ikun lest.
Ir-restawr ta’ dawn il-pontijiet huwa parti minn proġett nazzjonali li fix-xhur li ġejjin, flimkien ma’ tisbiħ fiż-żona magħrufa bħala Il-Biskuttin u ż-żona ta’ madwar il-funtana tat-Tritoni, li se jinbidlu fi spazji pedonali, miftuħin u aċċessibbli għal kulħadd, se jkun qed jagħti libsa ġdida lid-daħla tal-Belt Valletta, belt magħżula bħala l-Kapitali Kulturali Ewropea 2018.