Fil-bajja ta’ Għar Lapsi fis-Siġġiewi tħabbar li se jsiru numru ta’ xogħlijiet ta’ emerġenza marbuta mal-manutenzjoni u tisbiħ tal-bajja ta’ Għar Lapsi fis-Siġġiewi.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal f’konferenza tal-aħbarijiet li wara numru kbir ta’ rapporti minn nies, anke fuq il-midja soċjali, dwar is-sitwazzjoni ta’ telqa li teżisti fil-bajja t’Għar Lapsi, il-Gvern se jintervjeni u jassigura li x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru jitlestew minnufih.
Is-Segretarju Parlamentari qal li dawn ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tajjeb li jibdew jsiru minn qabel, sabiex il-post jkun jista jidgawda b’mod sigur minn kulħadd fl-istaġun tas-sajf.
Schembri ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin l-Awtorità Maltija għall-Kommunikazzjoni se tagħmel l-arranġamenti meħtiega biex jiġi installat is-servizz ta’ wifi b’xejn fil-bajja ta’ Għar Lapsi.
Din l-innizjattiva tikkumplimenta l-ħidma tal-Gvern sabiex jagħmel minn Malta ‘a free wi-fi state’ u b’hekk in-nies jkollhom aċċess għal internet kullimkien anke f’dan il-post li għandu nuqqas ta’konnettivita’.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debbatista qal li l-Gvern fehem l-urġenza għall-bżonn li jsiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u għalhekk dawn ix-xogħlijiet se jsiru b’mod immedjat permezz tal-ħaddiema tad-Direttorat tal-Cleansing Services, fi ħdan is-Segretarjat tiegħu.
Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni se jassiguraw li l-bajja ta’ Għar Lapsi tkun tista tibqa aċċessibbli b’ mod sigur u tkun tista tiġi gawduta kemm mill-Maltin u t-turisti li jżuru dan il-post.
Aktar ‘il quddiem il-Gvern se jkun qed jikkonsulta mal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi sabiex isir proġett holistiku għat-tisbiħ u upgrading ta’ Għar Lapsi.