Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali jħabbar li bejn is-16 u l-25 ta’ Mejju, il-Funtana tat-Tritoni se tintefa’ sabiex isiru interventi ta’ manutenzjoni fuq il-bronż u t-travertin. Dawn ix-xogħlijiet huma parti mill-manutenzjoni programmata li trid issir kontinwament sabiex il-funtana tinżamm nadifa, bid-dwal u l-ġettijiet tal-ilma kollha jaħdmu, u bil-bronż u t-travertin bl-aħjar dehra. Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet isiru mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-funtana tintefa’ u ilhom isiru minn meta l-funtana bdiet taħdem.
B’mod pjanat li ma jaħbatx maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Valletta 2018 u ma’ festi oħra, ġie magħżul il-perjodu opportun sabiex isiru dawn l-interventi, li se jieħdu madwar ġimgħa sabiex jitlestew. Barra minn hekk, għax-xogħol fuq it-travertin jeħtieġ li l-funtana tintefa’ tlett ijiem qabel jibdew ix-xogħlijiet, sabiex it-travertin jilħaq jinxef mill-ilma li jista’ jkun ta’ detriment għat-trattament li se jingħata lit-travertin.
Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali huwa kommess li x-xogħol ta’ restawr li reġa’ ta d-dinjità lil din il-funtana jibqa’ jitgawda minn kull min jgħaddi minn din il-pjazza. Għaldaqstant qiegħed isir emfasi li tibqa’ tingħata l-attenzjoni kollha dovuta sabiex il-proġett kapitali li twettaq tul is-sena li għaddiet, jibqa’ jkun sostnut kif jixraq lil kull attrazzjoni li nsibu f’pajjiżna.